Art Ta’ 734 Metru Kwadru F’Birżebbuġa Se Tinbidel Fi Ġnien Ġdid Bil-Bandli

Art pubblika f’Birżebbuġa se tingħata ħajja ġdida hekk kif mistennija tinbidel fi ġnien għall-komunità, komplut b’bandli għat-tfal u spazju fejn il-familji jkunu jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom. Dan se jkun possibbli permezz ta’ ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, li permezz tiegħu art ta’ madwar 734 metru kwadru fi Triq Santa Katarina se tingħata lill-Kunsill għal perjodu ta’ ħames snin.

L-art tinsab f’post ċentrali fil-lokalità, biswit l-Iskola Primarja, u għalhekk il-ġnien il-ġdid mistenni jkun ta’ benefiċċju partikolari għat-tfal u l-familji li jgħixu jew jiffrekwentaw din iż-żona. Is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri spjega li l-pjan huwa li dan l-ispazju jiġi żviluppat fi ġnien ġdid mgħammar b’bandli, biex ir-residenti jkollhom post ieħor fejn jistgħu jistrieħu u jqattgħu ħin flimkien.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici qal li l-ftehim huwa eżempju ta’ kif art pubblika tista’ tintuża b’mod li jagħmel differenza diretta fil-komunità. Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza tal-Kunsilli Lokali, li jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jidentifikaw il-ħtiġijiet tar-residenti tagħhom.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli qalet li l-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw l-għodda u l-appoġġ meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu proġetti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Permezz ta’ dan il-proġett, spazju pubbliku eżistenti se jinbidel f’żona ġdida ta’ rikreazzjoni u mistrieħ, bil-għan li jinħoloq ambjent isbaħ u aktar aċċessibbli għall-komunità ta’ Birżebbuġa.

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa Jordy Brincat.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI