Ir-Rebbieħa Tal-Eurovision DARA Ġejja Malta – Se Tkun Il-Mistiedna Speċjali Fil-Junior Eurovision Song Contest!

Il-kantanta Bulgara ħabbret ukoll kanzunetta ġdida, filwaqt li s-suċċess tagħha Bangaranga ġite sottomessa għall-kunsiderazzjoni tal-Grammy Awards tal-2027.

Aħbar mill-isbaħ għad-dilettanti tal-Eurovision! Il-kantanta Bulgara DARA, li aktar kmieni din is-sena rebħet il-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Bangaranga, ħabbret li se tkun mistiedna speċjali waqt il-Junior Eurovision Song Contest 2026, li se jsir f’Malta nhar is-Sibt 24 ta’ Ottubru. L-aħbar ingħatat mill-kantanta stess waqt is-So Alive Music Conference, li sar f’Sofia, il-Bulgarija, fejn żvelat ukoll li fi żmien tliet ġimgħat se tkun qed toħroġ kanzunetta ġdida.

DARA kitbet l-istorja f’Mejju li għadda meta kisbet l-ewwel rebħa tal-Bulgarija fil-Eurovision Song Contest, li sar fi Vjenna. Bil-kanzunetta Bangaranga, hija kisbet 516-il punt, 173 punt aktar mill-pajjiż li spiċċa fit-tieni post. Minn dak iż-żmien, il-kanzunetta kompliet tikseb suċċess internazzjonali, tant li daħlet fil-lista Billboard Global 200 fid-90 post u allegatament qabżet is-60 miljun darba li ndaqqet fuq Spotify.

Intant, DARA qed tħares ukoll lejn il-Grammy Awards tal-2027. Skont EurovisionFun, li kkwota lil The Grammy Guru, il-kanzunetta Bangaranga ġiet sottomessa għall-kunsiderazzjoni fi tliet kategoriji prestiġjużi: Record of the Year, Song of the Year u Best Pop Solo Performance. Il-kantanta ġiet sottomessa wkoll għall-kategorija Best New Artist.

Madankollu, importanti li jiġi ċċarat li dawn għadhom sottomissjonijiet u mhux nominazzjonijiet uffiċjali. In-nominazzjonijiet mistennija jitħabbru fis-16 ta’ Novembru, filwaqt li ċ-ċerimonja tal-Grammy Awards se ssir fis-7 ta’ Frar 2027 f’Los Angeles. Il-parteċipazzjoni tagħha fil-Junior Eurovision f’Malta mistennija tkun attrazzjoni oħra għall-udjenza, hekk kif DARA se tkun qed terġa’ tidher fuq palk marbut mal-familja tal-Eurovision ftit xhur biss wara r-rebħa tagħha.

Intom eċċitati li se taraw lil DARA fuq il-palk tal-Junior Eurovision f’Malta?

Ritratt:

Facebook / DARA

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI