Mużika Mużika huwa festival b’kanzunetti bil-lingwa Maltija li sar propju f’Marzu li għadda, f’nofs pandemija. Kien wieħed minn dawk l-avvenimenti li saru bir-restrizzjonijiet u b’struttura differenti min-normal. Madanakollu l-parteċipanti ċertament li ser jibqgħu jgħożżu din l-esperjenza, u kellhom xi jgħidu wkoll!
Christian Arding tant iħossu kburi li ħa sehem f’dan il-festival. Is-sensazzjoni kienet li qed jieħu sehem f’xi festival barra minn xtutna, kif jgħid hu stess. ““Mużika Mużika huwa dak l-avveniment li aħna l-kantanti, l-kompozituri u l-awturi konna qed nistennew bil-ħerqa. Avveniment li ħassejtni qed nieħu sehem ġo festival barrani. Festival li kont ilni nistenna biex inkun parti minnu.” Il-kantant ifaħħar lit-tim kollu li ħadem bla waqfien biex jittella’ spettaklu ta’ tlett iljieli u jirringrazzjahom. “Organizzazzjoni perfetta. Grazzi Mużika Mużika!”
Christian Arding kanta l-kanzunetta Għajjejt Inħobb (Gilbert Camilleri / Rita Pace). Fit-tieni serata kanta l-kanzunetta Fejn Tħobb il-Qalb flimkien mal-artist oriġinali tal-istess kanzunetta, Mike Spiteri.