Avenue Sky għadhom kif ħarġu l-vidjow tal-kanzunetta Sieħbi fil-Cupboard tal-Kċina, bil-lirika ta’ Walter Micallef u oriġinarjament kantata minnu wkoll. Avenue Sky, fuq post fuq Facebook qalu li t-tema tal-vjolenza domestika hija waħda li għal qalbhom ħafna.
Qalu li “hija aktar minn sempliċiment lirika ta’ kanzunetta“ għax faċilment jistgħu jirrelataw magħha. Dan minħabba li tlieta mill-band huma edukaturi, filwaqt li wieħed minnhom huwa ġenitur. Dan is-suġġett iwassalhom biex jiftakru fl-istejjer ta’ wħud mill-istudenti li fetħu qalbhom magħhom, ta’ esperjenzi personali u anke f’dak li ma jixtiequ lil ħadd jgħaddu minnu.
Avenue Sky jenfasizzaw li permezz ta’ Sieħbi fil-Cupoboard tal-Kċina jixtiequ joħolqu kuxjenza dwar il-vjolenza domestika. Jappellaw lill-pubbliku biex jekk b’xi mod jew ieħor għaddejjin minn xi tip ta’ vjolenza, jew jafu lil xi ħadd li għaddej minn sitwazzjoni simili, jitolbu l-għajnuna. Din il-band żġurat li meta tfittex l-għajnuna, tissorprendi ruħek kemm issib nies li jixtiequ jkunu t’għajnuna.
Fl-aħħar, il-band irringrazzjat lil diversi entitajiet, li dejjem ikunu ta’ sapport għal min jitlob l-appoġġ tagħhom. Dawn l-entitajiet huma Supportline 179, Il-Pulizija ta’ Malta, MEDE, Appoġġ Children’s Fund, Commission on Gender-Based Violence and Domestic Violence, Foundation for Social Welfare Services, Kellimni.com, Legal Aid Malta, Aġenzija Zgħazagħ u SOS Malta.
Avenue Sky irringrazzjaw ukoll lil Jack, Mason, Glen minn Vocal Booth, Conrad, Aldo u l-Familja Scicluna. Il-band qalet li dan il-vidjow ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna ta’ dawn in-nies.
Facebook / Avenue Sky