Għas-segwaċi tal-Junior Eurovision Song Contest u x-xena lokali, l-isem Christina Magrin żgur mhux wieħed ġdid. Christina rrapreżentat lil Malta fl-2016 bil-kanzunetta Parachute, iżda s-suċċessi tal-kantanta ma waqfux hemm. Christina kemm-il darba rrapreżentat lil Malta f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna b’suċċess wieħed wara l-ieħor.
Il-passjoni tat-tfjala ta’ sittax-il sena hi evidenti, Christina mhux biss kantanta brava imma tieħu l-passjoni tagħha bis-serjetà tant li dejjem tara kif ħa tkompli tkabbar it-taħriġ tagħha. Lura fl-2016 Christina ġiet l-ewwel minn Malta u Għawdex fl-eżamijiet tar-Rock u l-Pop fi ħdan it-Trinity College ta’ Londra. Christina kienet l-iżgħar studenta li qatt kisbet l-ewwel post fi grad 8.
Ritratt: Facebook / Claudia Magrin
L-għalliem tal-vuċi ta’ Christina mhi ħadd ħlief ommha u jidher li d-demm vera jiġbed għax Christina bdiet tgħin lil oħtha ż-żgħira fit-taħriġ tal-vuċi. Iż-żgħira Chiara ta’ sitt snin ilha biss titgħallem il-vuċi għal dawn l-aħħar ftit ġimgħat! Ngħiduha kif inhi, għalkemm ma tantx ilha titħarreġ fil-vuċi dejjem għexet imdawra fil-mużika.
Is-Sibt li għadda, iċ-ċkejkna Chiara pparteċipat għall-ewwel darba ġo wieħed minn dawn il-konkorsi ż-żgħar li jseħħu ġewwa pajjiżna, konkorsi li ħafna minnhom iwittu t-triq għal kantanti stabbiliti ġewwa pajjiżna. Waħda minn dawn kienet ħadd ħlief Michela Pace li sa ftit xhur qabel l-X Factor kienet tieħu sehem b’mod regolari f’konkorsi bħal dawn.
Chiara ħarġet bl-akbar unur f’dan il-festival imtella’ minn Erseb Productions, hekk kif kienet ir-rebbieħa assoltua fis-sezzjoni taż-żgħar. Mhux ċajta li tifla ta’ sitt snin titla’ fuq palk, aktar u aktar quddiem udjenza numeruża imma jidher li din hi ħaġa naturali għaċ-ċkejkna Chiara, li bl-aktar mod ħelu u kunfidenti interpretat il-kanzunetta Love Shine A Light!
Aħna ma nistgħux ma niggustawx lil din it-tifla li jidher li wirtet it-talent tal-familja. Meta tkellimna m’omm Chiara, Claudia qaltilna li l-avventura li jmiss għaċ-ċkejkna hi ġewwa l-iSlovenja fejn ħa tkun l-iżgħar parteċipanta fil-konkors Lake Bled, konkors prestiġġjuż li oħtha Christina rebħet fl-2017. F’post li qasmet omma Chiara fuq facebook qalet li tinsab ferm kburija bis-suċċess tat-tifla tagħha Chiara u anke bi Christina, li tmexxi lil oħtha u tħobbha bl-aħjar mod possibli.

Ritratt: Facebook / Claudia Magrin
F’isem Gwida.mt nifirħu liċ-ċkejkna Chiara u nawgurawlha aktar suċċessi fil-futur, ċertament li għad nisimgħu ħafna u ħafna aktar minn din iċ-ċkejkna. Fl-istess waqt nawguraw ukoll lil Christina aktar suċċessi.