Mhux l-ewwel darba li jkun hemm xi ħadd u jagħmilha fatta mingħajr ma jkun jaf fuq xiex qed jitkellem. Hekk ġara lil Daniel Chircop li bħalissa flimkien ma’ tim qed jorganiżża s-serata, Drive Thru Christmas. Din ser issir mill-11 ta’ Diċembru sa’ 3 ta’ Jannar.
“F’dan l-avveniment in-nies ser jidħlu bil-karozza u jibqgħu fiha l-ħin kollu” jisħaqq Daniel Chircop. Jiġifieri inti tkun qed tara l-attrazzjonijiet, tieħu pjaċir u wara tmur għal serata bl-isem Car-aoke. Iżda ħafna nies qed jaħsbu li ser ikantaw, jew jitilgħu fuq il-palk! Xejn minn dan.
Daniel jgħid, “Ħafna nies ħasbu li ser jieħdu sehem huma, bdew jinkwetaw u bdejt nirċievi ħafna messaġġi. Iżda mhux in-nies ser jieħdu sehem imma l-karozza!”. Dan għaliex f’din il-biċċa ser ikun hemm il-karozzi kollha ipparkjati jaraw xow u l-atturi ser jirreċtaw u jġiegħlu lill-karozzi jieħdu sehem billi jpaqpqu.
Tidher interessanti! Ix-xow ser idum 25 minuta u ser ikun divertenti għall-aħħar. “Ħsibna li jkollna 3 gruppi ta’ żewġ atturi biex f’każ li xi ħadd ikun kwarantina, ix-xow ikun jista’ jitkompla faċilment!” jgħid Daniel. Awguri Daniel u t-tim kollu!