Liġi li ġiet proposta fid-Danimarka jaf tagħti permess lill-għalliema tal-pajjiż sabiex jużaw il-forza fiżika meta jkun meħtieġ sabiex tinżamm l-ordni fl-iskejjel. Din il-liġi qed tenfasizza li l-għalliema għandhom jitħallew jużaw il-forza biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u b'mod proporzjonat, u hekk malli jagħmlu dan għandhom jinformaw fl-immedjat lill-ġenituri tal-istudenti kkonċernati.
Il-liġi ntlaqgħet b'kontroversja hekk kif għal kważi 60 sena l-użu tal-forza fiżika kien projbit għalkollox fost l-għalliema Daniżi, iżda issa qed jerġa' jitqanqal dibattitu dwar jekk għandux jitreġġa l-arloġġ lura billi l-vjolenza fl-iskejjel Daniżi qiegħda tiżdied b'rata allarmanti.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Daniż sostna li hu qiegħed iressaq din il-liġi għaliex jemmen li "l-għalliema m'għandhomx jitħallew f'dubju dwar x'jistgħu jagħmlu meta sitwazzjoni teskala fil-klassi". Hu saħaq li l-ebda għalliem "m'għandu jibża' jintervjeni meta s-sitwazzjoni tiżviluppa f'waħda vjolenti minħabba biża' li jista' jitkeċċa".
Intom taqblu ma' din il-liġi?
Pexels