Hector Bruno, komiku li żgur m’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni, rajnieh fuq il-palk f’diversi karattri interessanti, rajnieh anke fuq it-televiżjoni jirreċta u anke jippreżenta u kien hemm żmien fejn anke ħadem ta’ ġurnalist. Ħajja kkulurita ferm iżda l-ħajja mhux dejjem tbissmitlu u kienet ħanina miegħu.
Meta kien għadu żagħżugħ Hector kellu jsiefer lejn l-Ingilterra minħabba li marad serjament, u minn hemm il-kunfidenza tiegħu ħadet daqqa ta’ ħarta kbira li wasslet għad-dipressjoni. Tul-podcast, Hector jitkellem dwar il-ġlieda tiegħu mad-dipressjoni u kif din tfaċċat u reġgħat tfaċċat tul is-snin, iżda dejjem sab is-saħħa li jiġġildilha.
Hu jitkellem kif kellu jfittex u jsib il-passjonijiet tiegħu biex jagħmel dan. Passjonijiet interessanti mmens li juru kemm Hector huwa tassew bniedem artistiku. Aspett li ċertament jispikka fih f’ħajtu. Hu jitkellem dwar il-familja, it-telfa t’ommu u t-telfa ta’ ħuh, u anke jsemmi r-ritorn tiegħu fix-xena tal-ispettaklu għalkemm b’mod limitat ferm.
Tul il-podcast ħa ssiru tafu aħjar lil Hector Bruno, ħa ssiru tafu kif sar iħares lejn il-ħajja wara l-episodji li għaddha minnhom u sawru l-karattru tiegħu. Ingħaqdu magħna biex isegwu l-episodju li jmiss ta’ Kellymni bi preżentazzjoni ta’ Melanie Kelly, għada it-Tnejn 9 ta’ Ottubru, mit-20:00.