“Iltqajt Mal-Papa, Ħolma Li Saret Realtà… Apprezzajt Ħafna L-Umiltà Tiegħu” – Maria Emma Buhagiar

F’intervista waqt TVAM, Maria Emma Buhagiar tirrakkonta kif madwar ġimgħa ilu kellha l-opportunità li b’sorpriża ltaqgħet mal-Papa Ljun XIV waqt konferenza taż-żgħażagħ li hi ġiet mistiedna għaliha. Evidentament fis-seba’ sema, Maria Emma tistqarr li din għaliha hi “ħolma li saret realtà”.

Hi tirrakkonta kif f’April li għadda rċeviet telefonata mingħand Fr Jean Claude Attard fejn stedinha sabiex tattendi għal konferenza li kienet se sseħħ fost iż-żgħażagħ u li matulha kienet se tiġi diskussa t-tema tal-paċi u l-importanza tad-djalogu sabiex proprju tinkiseb il-paċi. Tispjega wkoll li l-konferenza laqqgħet żgħażagħ minn diversi pajjiżi differenti.

Maria Emma tirrakkonta kif meta waslet il-konferenza ma bassrux li kien se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-Mexxej tal-Knisja Kattolika, u kien għalhekk li għalihom kienet sorpriża kbira, u naturalment, sabiħa.

Tistqarr li tħalliet affaxxinata l-iżjed bl-umiltà tal-Papa Ljun XIV u kemm kliemu huwa wieħed meqjus. Hi titħaddet dwar il-ħila tal-Mexxej tal-Knisja Kattolika li filwaqt li dejjem iżomm il-karattru ċajtier tiegħu, fl-istess waqt, jgħaddi l-messaġġ tiegħu sabiex id-dinja dejjem tkun post aħjar.

“Bi kliemu ħeġġiġna biex issa wara l-konferenza ma nibqgħux iżjed idejna fuq żaqqna iżda minflok nieħdu azzjoni biex ikun hawn iżjed paċi madwar id-dinja,” tispjega Maria Emma lill-preżentatriċi Dorianne Mamo ta’ TVAM.







Ritratti:

Facebook / TVAM

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI