Malta nistgħu ngħidu li għandna ġawra mill-isbaħ u ftit li xejn napprezzawha. Iżda Clare Agius, peress li bħalissa s-safar u limitat iddeċidiet li iddawwarna ftit ma’ Malta kif qatt ma rajnieha qabel.
F’intervista ma’ GWIDA, Clare qalet li ħadet pjaċir iżżur postijiet li qatt ma żaret qabel.
“Ħadt gost hemm ninżel u nara ambjent differenti. Post għall-kwiet li xtaqt nibqa’ fih għal sigħat twal. Xi ħaġa li ħadt pjaċir nagħmel hi l-isports bħal diving, rock climbing, etċ…”.
Wieħed mill-postijiet f’qalb, Clare baqgħet Kemmuna. “Xi ngħidu għal Kemmuna, qatt ma żort Kemmuna bħal meta dawwarni Salvu. Rajt kull kantuniera, apprezzajt kull nifs nadif li tista’ tieħu u ħadt gost nara l-passjoni ta’ Salvu. Salvu hu l-unika persuna li joqgħod Kemmuna u qed naħsibha nagħmel ġimgħa hemm miegħu bħala vaganza. Tkun vaganza vera rilassanti kieku!”
Clare tgħidilna li tidħaq mhux ftit waqt il-ġbid tal-programm u fl-ewwel programm spiċċat tfittex il-wirdien! “L-ewwel bdejna nfittxu l-wirdien imbagħad sabli xaħmet l-art. Trid tarani nipprova nersaq lejh, għax ngħiduha kif inhi, mhux normali li jien inkun viċin kreaturi uniċi hekk”.
Dan kollu qed tagħmlu fil-programm, ‘The local Traveller’ li jixxandar kull nhar ta’ Erbgħa wara l-aħbarijiet ta’ ONE.