Min jaf kemm, bħala ġenituri, minn jiem jekk mhux ġimgħat qabel, nibdew nippreparaw l-uniformi u l-basket tal-iskola għal uliedna meta tibda toqrob sena skolastika ġdida! Naraw li l-uniformi għadha tiġihom u li mhux imżarrta, imqattgħa jew tilfet il-kulur. Nixtrulhom żarbun ġdid għax tas-sena ta’ qabel, anke jekk forsi għadu jiġihom, issa qdiem. U xi ngħidu għall-basket u l-kartollerija!
Dawn iridu jkunu ġodda fjamanti għax tas-sena ta’ qabel tqabru! U dan nagħmluh ħalli wliedna jitgħallmu dak kollu u aktar li l-għalliema jgħallmuhom! Bħal dak li qallu, jekk l-oġġetti ma jkunux ġodda mhux xorta jistgħu jitgħallmu! Imma aħna hekk magħmulin! Drajna fil-lussu! Dan minbarra l-ikel li nagħtuhom magħhom li ma jmurx jaqbadhom il-ġuħ u ma jkollhomx x’jieklu! Uħud ikollhom ikel magħhom biex jitimgħu nofs klassi!

Iżda dan ma jgħoddx għat-tfal f’pajjiżi foqra fosthom fl-Afrika. Uħud minnhom jirringrazzjaw lil Alla li għandhom l-opportunità li jattendu l-iskola. U ftit huma li jkollhom ix-xorti li għandhom uniformi u basket mimli b’dak kollu meħtieġ. Eżempju ta’ dan huma l-aħwa Fiona u Catherine mill-Uganda. Żewġt ibniet żgħar u ħelwin imlibbsa ħwejjeġ imqattgħin u maħmuġin, u ħafjin, li ta’ kuljum jimxu lejn l-iskola ferħanin.
Ma jimpurtahomx jekk iridu jimxu ħafna mili ħafjin fix-xita u fix-xemx, lanqas jimpurtahom li ma ħadu xejn magħhom u li ilhom ma jieklu mill-ġurnata ta’ qabel. U wisq inqas jagħtu kas li l-iskola tagħhom mhi xejn għajr kamra tal-injam mudlama bla siġġijiet u bankijiet, li aktar tistħajjilha maqjel. Jimpurtahom biss li għandhom ix-xorti li jitgħallmu għax għalkemm żgħar, jafu li bl-edukazzjoni jistgħu jħarsu lejn futur aħjar minn dak tal-ġenituri tagħhom.

Naf li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil dawn iż-żewġt itfal u ħafna oħrajn bħalhom imxerrdin mad-dinja kollha. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex isib sponsers Maltin u Għawdxin li lesti jgħinu lil tfal bħal Fiona u Catherine ikollhom opportunità li jitgħallmu f’ambejnt xieraq, fejn minbarra edukazzjoni jirċievu wkoll ilma nadif għax-xorb u ikla sustanzjuża kuljum.
Ftit taż-żmien wara li ssir l-isponsorizzazzjoni, jintbagħat ritratt u d-dettalji ta’ tifla jew tifel li se tkun qed tiġi megħjuna, filwaqt li darbtejn fis-sena, għal għaxar snin, jibqgħu jintbagħtu ritratt riċenti tat-tifel jew tifla, ittra u/jew tpinġija mit-tfal stess u r-riżultat tal-assessjar tas-suġġetti li jitgħallmu l-iskola. Agħmel kuntatt magħna jekk tixtieq tgħin. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq is-sit www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.
Inħeġġiġkom tkunu parti mill-Maratona Hope MissioFest, billi tgħinu lil dawn ħutna fil-missjoni bl-aħjar b’mod possibbli. Segwi l-maratona fuq wieħed mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin, nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu bejn il-11am u l-11pm, fejn tista’ tikseb aktar informazzjoni, tisma’ u tara aktar stejjer, u fl-istess ħin tagħti d-donazzjoni tiegħek.