Bini Ta’ Kappella Fl-Ifqar Raħal Fil-Malawi

Kienu ilhom żmien jaħdmu mit-tajn il-briks biex jekk kemm-il darba tasal l-għajnuna fi flus, dawn ikunu lesti għall-bini! Dun Michael Useni, il-kappillan u l-uniku saċerdot ta’ 8 parroċċi fl-iktar rħula mbegħda fid-djoċesi ta’ Chikwawa fi ħdan il-Parroċċa ta’ Sant’Antnin f’Changoima, tefa’ n-nomina tiegħu għall-isponsorizzazzjoni ta’ kappella f’Bisimoni. Tajjeb ngħidu li f’Bisimoni, li huwa l-ifqar raħal fil-Malawi kollu, qatt ma kien hemm kappella u l-eqreb kappella kienet 36km bogħod.

Biex jitolbu u jisimgħu quddiesa darba fix-xahar, kienu jiltaqgħu taħt siġra u dan fl-istaġun xott biss għaliex fi żmien ix-xita, ir-raħal jispiċċa iżolat kompletament mill-kumplament taċ-ċivilizzazzjoni. Fatt interessanti kien li r-raħħala mhux talli ma kinux qed jistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqhom, imma talli kienu ilhom żmien jaħdmu mit-tajn il-briks biex jekk kemm-il darba tasal l-għajnuna fi flus, dawn ikunu lesti biex jibnu l-kappella li tant xtaqu! U t-talb tagħhom instema’!

Ma damitx ma nstabet familja benefattriċi Maltija li sponsorjat il-bini kollu tal-kappella, inkluż ġar ta’ materjal fuq l-idejn jew bil-muturi. Il-kappella bdiet tinbena minnufih u ma damitx ma tlestiet u saret l-inawgurazzjoni f’Ġunju 2023! Il-kappella ġiet iddedikata lit-Trasfigurazzjoni ta’ Kristu Salvatur! Il-kappella kienet se isservi ukoll bħala post għat-tagħlim tad-duttrina u laqgħat tal-komunità. B’xorti ħażina, ftit tax-xhur wara għaddiet minn fuq id-distrett waħda mill-agħar maltempati li qatt raw! Id-djar u t-tined tal-komunità ta’ Bisimoni tkaxkru mal-kurrenti, imma n-nies sabu kenn fil-kappella li mibnija fis-sod serviet ta’ kenn għalihom sa ma għadda kollox u reġgħu bnew l-għerejjex tagħhom!



“F'isem il-familja Kattolika tal-Parroċċa ta' Sant'Antnin f’Changoima fid-Djoċesi ta' Chikwawa, nixtieq nirringrazzja sinċerament lil Missio Malta u lill-familja Maltija benefattriċi għal dan ir-rigal prezzjuż ħafna ta' knisja ġdida u mibnija tajjeb fejn in-nies tagħna jistgħu jqimu lill-Mulej kif suppost u bi dritt,” Dun Michael Useni -Kappillan.

Jekk tixtieq tgħin fi proġetti simili t’hawn fuq, tista’ tagħti donazzjoni billi tikkuntattja lil Missio Malta jew iżżur il-website: https://missio.org.mt/donate. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962. Grazzi mill-qalb.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI