Wasteserv B’Kampanja Ġdida Bl-Għan Li Tkompli Ssaħħaħ Il-Kultura Tas-Saħħa U S-Sigurtà Fil-Kumpanija

WasteServ nediet kampanja edukattiva ġdida mmirata biex tkompli ssaħħaħ il-kultura tas-saħħa u s-sigurtà fost il-ħaddiema tagħha, bħala parti mill-impenn kontinwu tagħha lejn il-benesseri tal-impjegati.

Fil-qalba tal-kampanja hemm żewġ karattri fittizji, Wiġi u Ġiġi, maħluqa biex iwasslu messaġġi dwar is-saħħa u s-sigurtà b’mod sempliċi, memorabbli u relatabbli għall-ħaddiema. Permezz ta’ sitwazzjonijiet li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum fuq il-post tax-xogħol, il-kampanja għandha l-għan li tħeġġeġ lill-impjegati jadottaw drawwiet aktar siguri u jieħdu aktar responsabbiltà għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom u ta’ sħabhom.

Bit-tema "Isma’ minn Wiġi, tgħallem bħal Ġiġi", l-inizjattiva tfittex li tagħmel il-messaġġi dwar is-saħħa u s-sigurtà aktar faċli biex jinftiehmu u jibqgħu f’moħħ il-ħaddiema.



Il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, faħħret l-inizjattiva u qalet li kampanji bħal din juru impenn ċar biex il-benesseri tal-ħaddiema jibqa’ prijorità, filwaqt li jkomplu jtejbu l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, sostna li fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart is-saħħa u s-sigurtà mhumiex għażla, iżda prijorità assoluta. Huwa spjega li l-kampanja għandha l-għan li tgħin lill-impjegati japplikaw il-prinċipji tas-saħħa u s-sigurtà fil-ħidma ta’ kuljum, filwaqt li jibqgħu attenti, isegwu l-proċeduri u jkunu preparati għal kwalunkwe emerġenza.

Din il-kampanja tkompli tibni fuq l-investimenti li WasteServ għamlet matul l-aħħar snin fis-sistemi ta’ prevenzjoni u tifi tan-nar, tagħmir speċjalizzat u taħriġ kontinwu għall-ħaddiema, bil-għan li s-saħħa u s-sigurtà jsiru parti naturali mill-kultura tax-xogħol ta’ kuljum.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI