Michelle Rausi, omm Francesca Rausi, taqsam il-ħsibijiet tagħha għad-diskussjoni li saret bejn Peppi Azzopardi u numru ta’ żgħażagħ Maltin fuq Lovin’ Malta u FreeHour.
Michelle tibda billi tispjega, “Segwejt id-diskussjoni bejn Peppi Azzopardi u numru ta’ żgħażagħ minn Gen Z, impressjonajt ruħi u mtlejt b’niket kbir. Jien ma nħossx li dan il-filmat għandi naqsmu magħkom u r-raġunijiet huma ovvji, kulħadd liberu li jfittxu fuq il-media soċjali u jarah.”
Hi żżid, “Jien ser naqsam magħkom dan ir-ritratt ta’ binti li għal dawn iż-żgħażagħ f’dan id-dibattitu stajt noqtolha, anke ta’ 7 xhur tqala. Ta’ sebgħa xhur binti tant kienet mimlija ħajja, li bil-manuvri tagħha kienet tibdilli l-forma ta’ żaqqi.”
Michelle tistqarr, “Meta kien ikolli l-opportunità ta’ vista għal ultrasound u kont naraha tiċċaqlaq, saħansitra b’subgħajha f’ħalqha, kont nimtela b’ferħ li qatt ma xtaqtu jintemm. Illum, 9 snin wara binti Francesca, li għal dawn iż-żgħażagħ jien stajt neħles minnha, qegħda tagħmel il-ħajja tagħna u ta’ oħrajn ħafna aħjar.”
Omm Francesca żżid, “Lili u lil żewġi tgħallimna kuljum kemm hi sabiħa l-ħajja. Lil dawn iż-żgħażagħ nixtieqhom li jkollhom l-opportunità li xi darba jiltaqgħu ma’ Francesca għax żgur li b’xi mod jew ieħor tibdlilhom ħsibijiethom.”
Hi ttemm tgħid, “Grazzi Mulej li għoġbok tibgħat lil dik it-tarbija għandi, jien ilqajtha b’imħabba u b’għożża kbira. Kemm aħna ffortunati. Francesca, aħna nħobbuk u qatt ma’ konna ser noqtluk.”