Impjegat li spiċċa bla xogħol minn Evolution Netent Live Gaming, fetaħ qalbu magħna dwar is-sitwazzjoni li ġiet fuqha bla mistennija. Jidher li l-impjegati li tkeċċew jinsabu lkoll taħt xokk minħabba kif saru l-affarijiet.
Hu stqarr magħha li l-iktar ħaġa li dejqitu huwa l-mod kif sar kollox. Spejgalna li jifhem li meta kumpanija tieħu kumpanija oħra, taf ikun hemm telf ta’ mpjieg iżda qatt ma stennew mijiet ħa jitilfu xogħolhom mingħajr twissija u b’nuqqas ta’ rispett lejn l-impjegati.
Hu qalilna, ġurnata fost l-oħrajn mara b’Ingliż fqir daħlet u qrat dikjarazzjoni lill-impjegati fejn ordantilhom jippakkjaw u jitilqu. Hu qalilna, “Ħadd qatt ma rċieva imejl li sinjalat is-sitwazzjoni, u lanqas qatt ma ngħatat spjegazzjoni minn qabel ta’ dak li kien qed jiġri. Għall-kuntrarju, l-impjegati kollha ngħataw ir-rosters ta’ Diċembru u l-iskeda tax-xogħol sal-bidu tas-sena d-dieħla.”
Hu jkompli jgħidilna, “Dan juri n-nuqqas ħażin tagħhom ta’ rispett lejn l-impjegati, ħafna minnhom ilhom jaħdmu hemm għal bosta snin.” Dan il-ħaddiem jgħid li “ċert li hemm liġijiet tax-xogħol li jipproteġu lill-ħaddiema, u jagħtuhom id-dritt għal ċans preventiv li jfittxu xogħol ieħor,” filwaqt li jittama li l-gvern Malti jieħu azzjoni.
Hu jagħlaq billi jgħid dan kien rigal kiesaħ u biered li għaddiet il-kumpanija lill-impjegati li ħadmu tant u tant bil-qalb għal tul is-snin.
Tajjeb li ngħidu li jidher li l-gvern ġa ħa azzjoni infatti u nieda linja biex tgħin lil dawn l-impjegati, huma jistgħu jagħmlu kuntatt fuq 2220 1251.