Boċċi – Il-Musical: Kummiedji, Mużika Live, Kant U Garar!

Teatru Malta u Give or Take Productions qed jingħaqdu biex jippreżentaw Boċċi, il-Musical, koproduzzjoni oriġinali li se tittella’ għall-ewwel darba fl-ewwel lejla tal-Festival Internazzjonali tal-Arti. 





Klabb tal-boċċi jinsab fix-xifer u wasal biex jagħlaq. M’hemm ħadd ħlief tim eċċentriku ta’ karattri biex isalva l-klabb. Osmar, l-aħħar plejer tal-klabb, flimkien mas-sid tal-Klabb Jes, qatt ma kienu jobsru li kien se jkollhom jaċċettaw mara fil-klabb tagħhom! Imma mingħajrha l-klabb m’għandux biżżejjed plejers u ħabba f’hekk, qiegħed fir-riskju li jagħlaq. L-omm żagħżugħa, Martha, għandha r-raġunijiet tagħha għalfejn issieħbet ma’ dan it-tim.



Boċċi, il-Musical se jmur lil hinn mill-ispazji tas-soltu li fihom jittella’ t-teatru. Minflok se jmur fil-piċċijiet tal-boċċi madwar Malta, u minn hemm se jdaħħal lill-udjenzi direttament fid-dinja tal-karattri tiegħu.

Il-produzzjoni ser tittella’:

  • Guy Boċċi Klabb Żurrieq – 13, 14 u 15 ta’ Ġunju
  • Żejtun Boċċi Klabb – 21 u 22 ta’ Ġunju
  • Lija Boċċi Clubhouse – 28 u 29 ta’ Ġunju
  • Boċċi Klabb Santa Luċija – 5 u 6 ta’ Lulju
  • Għaxaq Boċċi Klabb – 12 u 13 ta’ Lulju
  • Żabbar Boċċi Klabb – 19 u 20 ta’ Lulju

Oriġinarjament Boċċi nħadem fl-2023 waqt il-programm Studio Francis Ebejer, u huwa ċelebrazzjoni tar-reżiljenza, l-umoriżmu u l-ispirtu ta’ ħbiberija li nsibu f’Malta. 

Bi skript ta’ Malcolm Galea, mużika u lirika ta’ Matthew James Borg, u ko-direzzjoni minn Galea u Philip Leone-Ganado, dan l-ispettaklu jwiegħed li jkun mimli emozzjoni, umoriżmu, u interpretazzjoni oriġinali ħafna ta’ passatemp ikoniku Malti.

Għal biljetti u aktar informazzjoni żur www.teatrumalta.org.mt 

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI