Bosta Jirrabjaw Wara Li L-Kunsill Tas-Siġġiewi Jwissi Dwar It-Tmigħ Tal-Qtates F’Żoni Pubbliċi

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Kunsill Lokali Is-Siġġiewi qasmu mas-segwaċi tagħhom messaġġ li qanqal ħafna rabja fost dawk li kkumentaw. Minkejja dawn il-kummenti, kien hemm min qabel mad-deċiżjoni tal-kunsill.

Qalu, “Il-Kunsill Lokali jixtieq ifakkar li ż-żoni fejn jiġu mitmugħa l-qtates mhumiex spazji li jistgħu jiġu okkupati, mibdula jew attrezzati minn individwi minn jeddhom.”

Żiedu, “Skont ir-Regolamenti dwar Persuni li Jitimgħu l-Qtates (S.L. 439.27), persuna ma tistax titma’ qtates tat-triq f’żona pubblika sakemm ma tkunx reġistrata bħala persuna li titma’ l-qtates mal-Kunsill Lokali. Il-postijiet fejn jiġu mitmugħa l-kolonji għandhom ukoll jiġu ddikjarati u rreġistrati skont ir-regolamenti. Ir-reġistrazzjoni bħala persuna li titma’ l-qtates ma tagħtix dritt jew awtorizzazzjoni biex wieħed jokkupa spazju pubbliku jew iqiegħed strutturi u materjal fih.”

Komplew, “Infakkru wkoll li r-Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (S.L. 549.40) jirregolaw it-tqegħid u t-tħollija ta’ oġġetti, materjal u skart f’postijiet pubbliċi. Dawn ir-regolamenti jagħmlu referenza, fost oħrajn, għal ġebel, terrapien, materjal tal-bini, kontenituri tal-ikel u fdalijiet tal-ikel. Għaldaqstant, żona fejn jiġu mitmugħa l-qtates għandha tintuża proprju għal dan l-għan – sabiex il-qtates jingħataw ikel u ilma b’mod responsabbli, nadif u organizzat.”

Qalu wkoll, “Il-Kunsill għalhekk ifakkar li: M’għandhomx jitqiegħdu ġebel, blokok, xkafef, għamara jew strutturi improvviżati fi spazju pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa; reċipjenti għall-ikel u l-ilma għandhom jintużaw b’mod responsabbli u mingħajr ma jinħoloq ostaklu jew okkupazzjoni permanenti tal-ispazju pubbliku; kemm ikel niexef kif ukoll ikel imxarrab għandu jingħata b’mod li ma jwassalx biex jitħallew fdalijiet tal-ikel jew kontenituri bħala skart; iż-żona għandha tinżamm nadifa, ordinata u ħielsa minn fdalijiet u oġġetti mhux meħtieġa; u t-tmigħ tal-qtates f’żoni pubbliċi għandu jsir minn persuni debitament reġistrati u fil-postijiet tal-kolonji ddikjarati mal-Kunsill.”

Temmew jgħidu, “Il-Kunsill jirringrazzja u japprezza l-ħidma ta’ dawk il-persuni reġistrati li, ta’ kuljum, jieħdu ħsieb il-kolonji tal-qtates b’dedikazzjoni u responsabbiltà. Fl-istess waqt, irridu niżguraw li l-benesseri tal-annimali, l-indafa, is-sigurtà u r-rispett lejn l-ispazju pubbliku jimxu id f’id. Nieħdu ħsieb l-annimali. Nirrispettaw l-ispazju pubbliku. Inżommu l-lokalità tagħna nadifa u ordinata.”

X’taħsbu intom?

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI