Is-Servizz Pubbliku ħabbar il-ħatra ta’ Chief AI Officer ġdid, pass ieħor importanti lejn modernizzazzjoni u trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika. Din il-kariga ġiet imħabbra għall-ewwel darba f’Ottubru li għadda mill-Kap tas-Servizz Pubbliku, is-Sur Tony Sultana u issa, wara proċess kompetittiv ta’ għażla, inħatar uffiċjalment is-Sur Jonathan Gerada.
Is-Sur Gerada għandu aktar minn għoxrin sena esperjenza fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika u oqsma relatati, b’attenzjoni partikolari fuq it-trasformazzjoni diġitali. Huwa ssieħeb fis-Servizz Pubbliku 14-il sena ilu u għal għaxar snin serva bħala Chief Information Officer, fejn mexxa diversi inizjattivi strateġiċi tal-ICT u proġetti relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali u l-Big Data.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Tony Sultana, spjega li r-rwol ta’ Chief AI Officer se jkompli jsaħħaħ l-istrutturi interni tal-amministrazzjoni pubblika u jservi bħala punt ta’ riferiment ċentrali għall-proġetti kollha relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali fil-Gvern kollu. Huwa enfasizza wkoll li din il-ħatra tirrifletti l-impenn kontinwu tas-Servizz Pubbliku sabiex jadotta teknoloġiji avvanzati b’mod responsabbli, effiċjenti u b’valur miżjud għaċ-ċittadini.
Il-ħatra ta’ Chief AI Officer hija meqjusa bħala pass strateġiku biex Malta tkompli tavvanza fil-qasam diġitali, b’enfasi fuq innovazzjoni sostenibbli, governanza moderna u servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u intelliġenti.