“Dak Il-Puppy Li Tara Online… Jista’ Jkun Parti Minn Traffikar Illegali.” – Vuċi Għall-Annimali

Klieb

Huwa possibbli li ġeru li tara online jista’ ma jkunx ġej minn sors legali, u f’ħafna każijiet jista’ jkun parti minn traffikar illegali ta’ annimali.

Il-paġna Vuċi għall-Annimali tfakkar kif skont l-Animal Welfare Act u r-regolamenti tal-Unjoni Ewropea, kull annimal li jidħol Malta għandu jkollu microchip, tilqima valida kontra r-rabies, passaport ġenwin u dokumentazzjoni ta’ moviment legali.

Madankollu, ħafna nies qed jixtru annimali online mingħajr ma jivverifikaw is-sors tagħhom, u dan qed iwassal biex puppies jiġu minn breeding farms illegali, jivvjaġġaw f’kundizzjonijiet ħżiena, jaslu b’dokumenti foloz u spiss ikunu morda jew mhux imlaqqma kif suppost.

Meta dawn l-annimali jidħlu Malta b’mod illegali, jistgħu jiġu miżmuma fi kwarantina, jgħaddu minn testijiet u osservazzjoni, u f’ċerti każijiet saħansitra jiġu separati minn min xtrahom jew ma jitħallewx jibqgħu fil-pajjiż, u dan iwassal għal stress u tbatija kbira għall-annimal.

“KIF JAĦDEM L-ILLEGAL PET TRADE: Breeding fuq skala kbira, mingħajr kontroll; Dokumenti ffalsifikati; Trasport moħbi bejn pajjiżi; Bejgħ fuq Facebook u siti online”

Huwa importanti li n-nies jadottaw jew jixtru b’responsabbiltà, jivverifikaw is-sors u ma jikkontribwixxux għal sistema fejn annimali jiġu trattati bħala oġġetti li jistgħu jinbiegħu bla konsiderazzjoni.

Il-paġna tagħlaq bil-kliem, “Il-problema mhix biss min ibigħ… imma min jixtri bla ma jistaqsi.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI