Mill-bidu tas-sena d-dieħla, il-klijenti ta’ Amazon fir-Renju Unit se jkunu jistgħu jixtru karozza permezz ta’ din il-pjattaforma popolari. Din se tkun l-ewwel darba li l-kumpanija se testendi s-servizz Amazon Autos lil hinn mill-Istati Uniti.
Is-servizz inizjalment se jitnieda b’kollaborazzjoni ma’ Hyundai, li se toffri kemm karozzi ġodda kif ukoll karozzi użati b’garanzija. Il-klijenti se jkunu jistgħu jagħżlu wkoll minn karozzi użati offruti minn Vertu Motors, kumpanija li għandha madwar 200 stabbiliment madwar ir-Renju Unit.
Permezz ta’ Amazon Autos, il-klijenti se jkunu jistgħu jaraw il-karozzi disponibbli, il-prezzijiet u l-għażliet ta’ ħlas, kif ukoll jirċievu stima indikattiva tal-valur tal-karozza tagħhom jekk ikunu jixtiequ jagħtuha bħala parti mill-ħlas. Madanakollu, sabiex jaraw il-karozza u jiffinalizzaw ix-xiri, il-klijenti xorta waħda se jkollhom iżuru l-istabbiliment minn fejn tkun qed tinbiegħ il-vettura.
Matt Nuffort, id-direttur ta’ Amazon Autos International, qal lill-Press Association li l-kumpanija għandha l-għan li żżid in-numru ta’ kollaborazzjonijiet fix-xhur li ġejjin, sabiex toffri għażla usa’ ta’ vetturi u ditti lill-klijenti tagħha.
Min jaf jekk fil-futur dan is-servizz jasalx ukoll f’Malta?