F’għeluq it-30 sena ta’ binha ż-żgħir Kyle, magħruf ukoll fil-qasam tal-ispettaklu bħala KYL0, Phyllisienne Brincat qasmet messaġġ mill-qalb li fih esprimiet l-imħabba u l-kburija tagħha għal dan il-kapitlu ġdid f’ħajtu.
Permezz ta’ kliem mimli emozzjoni, Phyllisienne qalet li, minkejja li għal dejjem se jibqa’ “l-iżgħar” iben, f’dan il-jum qed tinnota fih xi ħaġa differenti: raġel li kiber u mmatura.
“Jien tant kburija bir-raġel li qed issir,” kienet waħda mill-emozzjonijiet ewlenin li wasslet ommu permezz tal-messaġġ tagħha.
Phyllisienne tkellmet ukoll dwar it-talenti artistiċi ta’ binha, fosthom il-kant u d-daqq ta’ strumenti mużikali u tikteb li temmen li dawn huma doni mogħtija lilu minn Alla.
Madankollu, għaliha, f’dan l-anniversarju speċjali ma kienx biss it-talent ta’ KYL0 li kellu jiġi ċċelebrat. Fuq kollox, riedet tiċċelebra l-bniedem wara t-talent.
Hija tkellmet dwar żminijiet ta’ ferħ, iżda wkoll dwar mumenti li kienu ta' sfida u perjodi fejn il-ħajja ma kinitx faċli. Minkejja kollox, sostniet li qatt ma waqfet tħobbu, temmen fih, titlob għalih u tirringrazzja lil Alla għal ħajtu.
Wieħed mill-aktar messaġġi b’saħħithom li wasslet lil binha kien dak biex, ikun xi jkun is-suċċess li jasal għalih, qatt ma jinsa lil Alla.
Awguri mill-qalb!