Fr. Martin f'għeluq sninu qasam messaġġ mill-isbaħ. Messaġġ li ddeċidejna li naqsmu mas-segwaċi tagħna ta' Gwida.mt. Hu jgħid, "F’għeluq snini nixtieq nirringrazzja ‘l Alla għad-don tal-ħajja u għall-grazzji kbar li tani f’ħajti. Trabbejt f’familja b’valuri tajba, sejjaħli biex naqdih bħala saċerdot, iltaqt ma’ ħafna nies li kienu ta’ ispirazzjoni għalija u rċievejt mingħandhom ħafna mħabba u rispett. Din is-sena nirringrazzjah b’mod speċjali għall-grazzja tal-fejqan mill-kanċer."
Hu jagħmel appell, "L-isbaħ rigal li tistgħu tagħtuni fil-birthday ta’ din is-sena hu li min jista’ jmur jagħti d-demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa. Meta kont qed nagħmel it-trattament kelli bżonn tliet boroż demm. Filfatt aktar minn 30% tat-trasfużjonijiet tad-demm isiru lil pazjenti fit-taqsima tal-onkoloġija u l-ħematoloġija."
Fr. Martin ikompli jgħid, "Il-pazjenti morda bil-kanċer ikun jinħtiġilhom trattamenti li kapaċi jieħdu s-snin u dan jinkludi fost oħrajn trasfużjonijiet ta’ prodotti varji ta’ demm. Illum naf mill-esperjenza x’differenza tista’ tagħmel borza demm fit-triq għall-fejqan mill-kanċer. Naf li bħalissa hemm bżonn urġenti ta’ ħafna demm. Taħsibiex darbtejn u mur agħti demm."
Fl-aħħar jagħlaq b'messaġġ, "L-ogħti tad-demm li xi ħadd li ma tafx min hu jew min hi, hu ġest nobbli ħafna. Nirringrazzja li dawk il-persuni li b’mod anonimu taw id-demm lili. Il-Mulej iroddilkom għal mitt darba l-karita’ tagħkom. L-ogħti tad-demm hu ukoll sinjal tal-providenza ta’ Alla. Kun providenza għal ħaddieħor."
Ejja naqgħtu xewqet Fr. Martin u dawk kollha li jistgħu jagħtu d-demm imorru jagħtu dan ir-rigal li ma jiswiex flus iżda jista' jsalva ħajja.
Facebook / Martin Micallef