Librerija publika oħra spiċċat vandaliżżata, din id-darba l-Mellieħa. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qasmu kelmtejn dwar dan.
Qalu, “Diżappuntanti li naraw inizjattivi għall-ġid tal-komunità jispiċċaw fil-mira tal-vandaliżmu! Il-librerija fil-beraħ li twaqqfet fil-Mellieħa mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, bil-għan li tħeġġeġ il-qari u toffri spazju għall-benefiċċju ta’ kulħadd, ġiet ivvandalizzata.”
Żiedu, “Huwa ta’ dispjaċir li inizjattivi pożittivi bħal dawn ma jiġux rispettati. Dak li hu pubbliku huwa ta’ kulħadd, u lkoll għandna r-responsabbiltà li nieħdu ħsiebu. Nappellaw lil kull min għandu xi informazzjoni dwar dan l-att biex jagħmel kuntatt mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Ejjew nirrispettaw u nipproteġu dak li flimkien qed nibnu għall-komunità tagħna.”