Il-Qorti ħadet deċiżjoni dwar il-wirt ta’ Bernice Cilia, u ordnat li l-assi kollha li ħalliet warajha jgħaddu għand iż-żewġ uliedha, filwaqt li żewġha, Roderick Cassar, jiġi eskluż mis-suċċessjoni tagħha.
Cassar bħalissa qed jiskonta piena ta’ 40 sena priġunerija wara li ammetta li qatel lil Bernice fit-22 ta’ Novembru 2022, f’Kordin, permezz ta’ tliet tiri ta’ arma tan-nar.
Il-każ tressaq quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili mill-ġenituri ta’ Bernice, Joseph u Maria Carmela, li talbu biex Cassar ma jibbenefikax mill-wirt ta’ binthom. Huma ħadu wkoll f’idejhom il-kura taż-żewġ neputijiet tagħhom, li dak iż-żmien kellhom 11 u 8 snin. Peress li Bernice ma kinitx ħalliet testment, il-ġenituri tagħha talbu li dak kollu li kellha jmur għand uliedha.
L-Imħallef, Joanne Vella Cuschieri, laqgħet it-talba u ddeċidiet li l-assi kollha ta’ Bernice għandhom jgħaddu għand iż-żewġt itfal tagħha.
