Illum kien il-ftuħ tal-ewwel H&M f’Malta, avveniment li ġibed l-attenzjoni ta’ ħafna u ħafna nies hekk kif kienu bosta li ddeċidew jistennew fil-kju għal ħin twil biex jidħlu fil-ħanut. Il-ħanut vera li huwa maħbub minn bosta, imma ta’ min ifaħħar ukoll il-faċċata tiegħu. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, l-viċi sindku tas-Swieqi Jordan Galea pace qasam kelmtejn dwar dan.
Qal, “Kulħadd qed jitkellem fuq H&M, imma s’issa ma rajt lil ħadd jgħid prosit lill-periti u lil kull min ħadem fuq il-faċċata.
Filwaqt li nawgura lill-kumpanija kull suċċess, nixtieq ngħid prosit ukoll lil dawk li taw dehra isbaħ lit-triq kollha. Illum il-ġurnata ma tantx naraw faċċati li jingħataw daqshekk attenzjoni, u meta naraw waħda hekk, jixraq li ngħidu kelma ta’ apprezzament.”