“Domna Xahar Sħiħ Biex Narawh Verament Jitjieb U Jerġa’ Jibda Jieħu Ħsieb Tiegħu Nnifsu – Ackerley Pace B’Aġġornament Dwar Il-Qattus Li Wasal Fix-Xelter F’Qagħda Kritika.

Ackerley Pace qasam storja emozzjonanti dwar qattus li wasal fix-xelter tiegħu f’kundizzjoni kritika, iżda li llum irnexxielu jerġa’ jieħu saħħtu grazzi għall-kura u d-dedikazzjoni tat-tim.

Huwa spjega, li dam kważi xahar sħiħ biex il-qattus beda juri sinjali ta’ fejqan. Meta daħal fix-xelter kien jiżen biss żewġ kilogrammi u r-riżultati tad-demm kienu allarmanti, b’livelli baxxi ħafna taċ-ċelloli ħomor u bojod. Barra minn hekk, kien qed ibati mill-anemija, kellu infestazzjoni qawwija tal-briegħed u kien jeħtieġ interventi mediċi oħra, fosthom sterilizzazzjoni u trattament dentali.

Madankollu, permezz ta’ ikel tajjeb, kura veterinarja kontinwa, imħabba u paċenzja, il-qattus irnexxielu jirkupra. Pace qal, li stejjer bħal dawn jagħtuhom il-kuraġġ biex qatt ma jaqtgħu qalbhom.

Fl-istess messaġġ huwa rringrazzja lil dawk kollha li jappoġġjaw lix-xelter permezz ta’ donazzjonijiet, shares u kliem ta’ inkoraġġiment, filwaqt li appella għal aktar għajnuna. Spjega li bħalissa qed jaffaċċjaw nuqqas ta’ voluntiera u għandhom aktar minn 50 qattus li jiddependu kompletament minnhom għall-ikel, il-mediċini u l-kura ta’ kuljum.

Temm jgħid, li kull min jista’ jagħti ftit mill-ħin tiegħu bħala voluntier jew jagħmel donazzjoni, ikun qed jagħti opportunità ġdida lil qattus fil-bżonn u jgħin lix-xelter ikompli jsalva aktar ħajjiet.

Ritratti:

Facebook/Ackerley Pace

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI