Gwida.mt tifraħ lil Lidl Malta għall-ġenerożità u l-impenn tagħha lejn il-komunità, hekk kif il-kumpanija mill-ġdid uriet l-appoġġ tagħha ma’ St Jeanne Antide Foundation għas-sena skolastika 2026/2027.
Din hi t-tielet sena konsekuttiva li Lidl Malta qed tikkontribwixxi għall-inizjattiva tal-fondazzjoni li għandha l-għan li tgħin tfal tal-iskola li qed jiffaċċjaw l-insigurtà tal-ikel f’Malta.
Matul is-sena skolastika li għaddiet, Lidl Malta tat kważi €10,000 fi prodotti tal-ikel, li ppermettew lit-tim tal-fondazzjoni jipprepara u jqassam ingredjenti għal kważi 6,000 ikla b’saħħitha għall-iskola.
Permezz tal-kampanja Nourishing Young Minds, Lidl Malta se tkompli tagħti prodotti tal-ikel essenzjali matul is-sena skolastika, sabiex tfal fl-iskejjel primarji u sekondarji jkollhom l-ingredjenti meħtieġa għal ikliet nutrittivi u bilanċjati.
Din l-inizjattiva mhux biss tgħin biex titnaqqas il-pressjoni finanzjarja fuq familji bi dħul baxx, iżda tippermetti wkoll lill-ġenituri u lill-persuni li jieħdu ħsieb it-tfal jippreparaw l-ikliet għal uliedhom.
Gwida.mt tgħid prosit lit-tim kollu ta’ Lidl Malta għal dan il-ġest sabiħ u għall-impenn kontinwu tiegħu biex jagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tat-tfal u l-familji f’pajjiżna.

Lidl Malta/ 9H