STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER
Inawgurata l-wirja “Imago Sagra” fil-Parlament ta’ Malta
Il-wirja tfakkar l-40 anniversarju tal-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes u hija miftuħa għall-pubbliku mid-29 ta’ Settembru sad-9 ta’ Ottubru 2026
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela inawgura l-wirja “Imago Sagra” fil-binja tal-Parlament ta’ Malta bit-tema l-kartapesta ta’ Malta u ta’ Lecce u tinkludi numru ta’ statwi mill-isbaħ u mudelli ta’ knejjes.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-President tal-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes, is-Sur Vincent Galea, il-membri tal-Għaqda, kif ukoll l-Onor. Anthony Agius Decelis u l-Onor. Justin Schembri.
L-Ispeaker saħaq li erbgħin sena ta’ ħidma fi ħdan għaqda jfissru impenn kontinwu minn nies li jagħtu l-ħin, il-ħila u l-enerġija tagħhom għal interess komuni. “Intom tagħtu tifsira ħajja lill-kelma ‘għaqda’: tlaqqgħu, tgħaqqdu u tferrħu lin-nies permezz ta’ dak li jħobbu,” qal l-Ispeaker.
L-Ispeaker Abela appella biex il-pajjiż u l-Parlament ikomplu jsostnu dawn it-talenti u jħajru liż-żgħażagħ jitgħallmu s-snajja’ marbuta magħhom, sabiex it-tradizzjonijiet jibqgħu ħajjin fil-komunitajiet tagħna. Huwa rringrazzja lill-organizzaturi, lill-esebituri u lil kull min ta sehmu matul l-erbgħin sena tal-Għaqda, kif ukoll lil Fr Michael Camilleri għall-barka tal-wirja.
Il-President tal-Għaqda, Vincent Galea, irringrazzja lill-Ispeaker u lill-Parlament talli laqgħu l-wirja fil-binja tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku jżur il-wirja mid-29 ta’ Settembru sad-9 ta’ Ottubru 2026 u fakkar li se tkun miftuħa wkoll waqt in-Notte Bianca, nhar is-Sibt, 3 ta’ Ottubru 2026.
SPK