Kif ħabbarna aktar kmieni din il-ġimgħa, il-kantanta Claudia Faniello flimkien ma’ Kaya kienu jinsabu ġewwa l-Moldova. Claudia kienet qed tikkompeti ġewwa l-festival Faces of Friends li sar ġewwa Cahul il-Moldova.
View this post on Instagram
Claudia telgħet f’dan il-festival, grazzi għal kuntatt ta’ Kaya minn Singer Stage Academy. Infatti Kaya, kienet waħda mill-mistiedna speċjali ta’ dan il-festival u kellha l-opportunità li tkanta quddiem l-udjenza preżenti li kienet waħda numeruża u allegruża wkoll.
Claudia kellha tinterpreta żewġ kanzunetti, waħda oriġinali mir-repertorju tagħha u kanzunetta famuża bħala cover version. Il-kanzunetta li marret fuqha Claudia, kienet proprju l-kanzunetta Breathlessly li biha rrapreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest tal-2017.
Il-kanzunetta serqet il-qlub ta’ dawk kollha preżenti u l-emozzjoni fl-interpretazzjoni tal-kantanta kienet għal darb’oħra evidenti. It-tieni kanzunetta li kantat kienet What’s Up li niżlet tajjeb ferm ma’ dawk kollha preżenti. Il-ġurija qablu li Claudia kellha l-ingredjenti kollha biex tkun ir-rebbieħa ta’ dan il-festival prestiġġjuż.
Taħsbux li kienet faċli l-kompetizzjoni! Il-kantanta Maltija kienet qed tikkompeti ma’ disgħa pajjiżi oħra u biex tirbaħ, riedet timpressjona disgħa membri tal-ġurija. L-esperjenza ta’ Claudia kienet evidenti u l-ġurija premjawha ta’ dan.
View this post on Instagram
F’isem Gwida.mt nifirħu lil Claudia Faniello ta’ dan is-suċċess miksub f’isem pajjiżna. Ċerti li għandna ħafna aktar x’nisimgħu minn din il-kantanta lokali, li dejjem tisraq ix-xena b’leħinha kif ukoll xi libsa grandjuża tad-disinjatur lokali Gaetano.