L-episodju tal-bieraħ ta’ MasterChef Malta qanqal diskussjoni fost it-telespettaturi, b’wieħed minn dawk li esprimew il-ħsibijiet tagħhom ikun il-psikologu u sesswologu Dr Nicholas Briffa. F’kitba fuq il-midja soċjali, Briffa qajjem mistoqsija dwar il-linja bejn il-pressjoni li wieħed jistenna f’kompetizzjoni bħal MasterChef u mumenti li jistgħu jinħassu bħala umiljanti għall-parteċipanti.
“Ilbieraħ MasterChef Malta ħallieli mistoqsija waħda f'moħħi: fejn tispiċċa l-pressjoni ta' kompetizzjoni u fejn tibda l-umiljazzjoni?” kiteb Briffa. Huwa rrikonoxxa li l-pressjoni, il-kritika u t-tensjoni huma parti integrali mill-format ta’ MasterChef, stil li matul is-snin sar magħruf madwar id-dinja anke permezz ta’ personalitajiet bħal Gordon Ramsay. Madankollu, saħaq li għalih teżisti differenza bejn li timbotta persuna biex tagħti l-aħjar tagħha u li ġġegħelha tħossha żgħira quddiem ħaddieħor.
Briffa ġibed l-attenzjoni wkoll lejn l-effett li sitwazzjonijiet bħal dawn jista’ jkollhom fuq persuna li diġà tkun qed tħoss ansjetà jew stress. Fi żmien fejn is-saħħa mentali qed tingħata aktar importanza, huwa jemmen li anke l-mod kif jiġu trattati l-parteċipanti fi programmi kompetittivi jistħoqqlu riflessjoni. Il-psikologu tkellem ukoll dwar id-dilemma li jistgħu jaffaċċjaw il-produtturi tat-televiżjoni: jekk jagħżlux kontenut li jiffoka fuq it-talent u l-kompetizzjoni, jew mumenti ta’ drama li għandhom aktar ċans iqajmu diskussjoni u jiġbdu l-attenzjoni.
Briffa għamilha ċara li din mhix xi ħaġa marbuta biss ma’ MasterChef Malta, iżda realtà li narawha f’diversi programmi televiżivi, fuq il-midja soċjali u f’forom oħra ta’ divertiment. “Jiena naħseb li tista' tkun esiġenti, dirett u żżomm standards għoljin ħafna mingħajr ma titlef ir-rispett fi kliemek lejn il-persuna ta' quddiemek,” sostna.
Huwa temm il-ħsieb tiegħu bi kliem li jiġbor fil-qosor il-messaġġ tiegħu: “Wara kollox l-empatija ma tnaqqasx mill-awtorità. Anzi, pjuttost il-kontra.” Fl-istess waqt, Briffa awgura lill-parteċipanti kollha li qed jieħdu sehem fil-kompetizzjoni. Il-kumment tiegħu ċertament iqajjem punt interessanti dwar ir-reality television tal-lum: fejn għandha tinġibed il-linja bejn pressjoni li tagħmel parti minn kompetizzjoni u sitwazzjoni li tista’ tħalli impatt ferm akbar fuq il-persuna li tkun qed tgħixha?
Facebook / Nicholas Briffa