Fgura United FC kburija tħabbar inizjattiva ġdida li se tibda fl-1 ta’ Settembru 2025: kull ġurnata bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, mit-15.45 sal-16.45, il-grawnd tal-futbol se jkun miftuħ b’xejn għat-tfal mill-komunitajiet tal-madwar.
Dan il-ħin ġie magħżul apposta biex joffri spazju sigur u strutturat għar-rikreazzjoni wara l-ħin tal-iskola. Il-klabb se jipprovdi staff ta’ superviżjoni biex ikun żgurat is-sigurtà u imġiba xierqa (wieħed mill-ġenituri jew kuraturi għandu jkun preżenti). Huma jgħidu se jkun hemm ukoll tagħmir bażiku tal-futbol bħall-blalen u konijiet, flimkien ma’ aċċess għall-faċilitajiet bħat-toilets u l-kmamar tal-ilbies.
L-iskop ewlieni ta’ din l-inizjattiva hu li joffri lit-tfal ta’ Fgura – speċjalment dawk li mhumiex parti minn din in-nursery, spazju fejn jistgħu jilagħbu l-futbol wara l-iskola, mingħajr pressjoni jew istruzzjonijiet. Din hija wkoll opportunità għal ġenituri u kuraturi biex jilagħbu flimkien ma’ wliedhom f’ambjent pożittiv u inklussiv.
Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn kontinwu ta’ Fgura United FC li jgħaqqad il-futbol ma’ proġetti ta’ innovazzjoni soċjali. Eżempju ieħor hu l-inizjattiva li permezz tagħha l-klabb se jagħti €5 lil AAA u lil Frame Football Malta għal kull gowl skorjat matul l-istaġun 2025/2026. Fgura United FC tibqa’ determinata li tkompli tgħaqqad il-komunità permezz tal-futbol.