Leah hija tifla ta' 12-il sena b'karattru simpatiku u ferrieħi mżewwaq b'perspettiva unika lejn il-ħajja li twassalha sabiex dejjem tkun determinata u fiduċjuża. Sfortunatament, Leah ilha minn twelidha tbati minn kundizzjoni ferm rari magħrufa bħala pulmonary hypertension.
Maħkuma minn taħlita ta' emozzjonijiet, omm Leah, Mariella, tirrakkonta waqt il-programm Ftit Xemx Kuljum kif għadha tiftakar ċar il-mument meta siegħa wara li welldet lil binha ġew it-tobba u ħadulha t-tarbija minn dirgħajha, għaliex intebħu li t-tarbija kien qed jonqsilha l-ossiġnu. F'temp ta' jumejn, Leah qalbet għall-agħar u allura kellhom jiħduha kemm jista' jkun malajr l-Ingilterra.
"Filli mingħalik se jkollok tarbija mimlija saħħa u filli taraha f'inkubatur imdawra bil-wajers u l-pajpijiet," tiftakar kommossa l-omm.
Mistoqsija dwar kemm kien diffiċli għall-familja tagħhom dan iż-żmien meta saru jafu li binthom kellha din il-kundizzjoni, Mariella tisħaq li s-sigriet kien li hi u żewġha kienu ta' sostenn għal xulxin. L-omm tistqarr ukoll li t-talb jilgħab irwol importanti sabiex hi tibqa' b'saħħitha u mimlija tama.
Kuraġġ!
Facebook / TVM (Ftit Xemx Kuljum)