It-tennista Maltija Francesca Curmi kompliet tikteb paġna oħra importanti fl-istorja tal-isport Malti hekk kif laħqet l-ogħla ranking tal-karriera tagħha fil-klassifika dinjija tal-WTA. Ta' 22 sena, Curmi issa telgħet sal-pożizzjoni numru 235 fid-dinja fis-singles, kisba li tkompli ssaħħaħ ir-rekord tagħha bħala l-aqwa tennista Maltija li qatt kellha din il-klassifika mondjali.
Dan il-progress impressjonanti ġie wara żieda ta' 163 post minn April 'l hawn, xhieda tal-forma eċċellenti li qed turi fit-tournaments internazzjonali u tal-ħidma kontinwa tagħha biex tkompli tavvanza fil-karriera professjonali. Il-kisba ta' Curmi hija mument ieħor ta' kburija għall-isport Malti, hekk kif issa qed tersaq dejjem aktar qrib li tidħol fost l-aqwa 200 plejer fid-dinja – tragward li jkun storiku għal Malta.
Francesca Curmi qed tkompli turi li b'dedikazzjoni, dixxiplina u perseveranza, atleta Malti jista' jikkompeti mal-aqwa talenti internazzjonali u jkompli jgħolli l-isem Malta fix-xena sportiva dinjija.
Facebook / Francesca Curmi