Francesco Brincat ġie identifikat bħala ż-żagħżugħ ta’ 26 sena li lbieraħ tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku f’Santa Venera. Francesco, residenti l-Marsa u magħruf ma’ sħabu bil-laqam Zukku, kien involut f’ħabta li seħħet għall-ħabta tal-17:30 fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Fl-inċident kienu involuti tliet vetturi.
B’konsegwenza tal-ħabta, waħda mill-vetturi nqalbet. Fuq il-post issejħu minnufih membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku biex jagħtu l-assistenza meħtieġa. Sfortunatament, minkejja l-assistenza li ngħatat, Francesco ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Il-persuni l-oħra li kienu involuti fl-inċident ma ġarrbux ġrieħi.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha biex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi eżatti li wasslu għal din it-traġedja. Gwida.mt twassal il-kondoljanzi tagħha lill-familja u l-ħbieb ta’ Francesco, kif ukoll lil dawk kollha li kienu jafuh u jħobbuh f’dan il-mument diffiċli.
Facebook / Francesco Buhagiar