Għalkemm Malta pajjiż uffiċjalment bilingwi, żgur ma tkunx l-ewwel darba li l-Malti jitpoġġa fil-ġenb favur l-Ingliż, kemm fid-dominju tax-xogħol u kemm fil-ħajja ta’ kuljum. Minkejja din ir-realtà, wieħed xorta jirnexxielu jilmaħ xi inizjattivi żgħar li, permezz tagħhom, Malta verament ikun ħaqqha l-isem ta’ pajjiż bilingwi, u pajjiż bil-Malti bħala l-ilsien nazzjonali.
Hekk għadu kemm sar fl-inħawi tal-Balluta f’Tas-Sliema: f’ritratt li ttieħedet minn Doriana Vella u mtella’ mill-paġna ta’ Facebook Il-Malti Madwarna, paġna li tippromwovi l-użu tal-Malti f’art twelidu, traffic light sempliċi ngħatat xeħta bilingwi. Il-Malti hawnhekk tpoġġa fuq u ġie segwit mit-traduzzjoni Ingliża warajh, skont ir-regolamenti.
Avolja att relattivament ċkejken, dan xorta waħda qanqal bosta reazzjonijiet ta’ tifħir minħabba l-fatt li wieħed aktarx rari jsib inizjattivi ta’ dan it-tip: bosta huma dawk li nnutaw kif diversi istituzzjonijiet jirrikorru għall-Ingliż mingħajr il-preżenza ta’ verżjoni Maltija. Ftit xhur ilu, Il-Malti Madwarna kien ukoll wassal sabiex il-fergħa ta’ Merlin Library fil-Blata l-Bajda inkorporat għall-ewwel darba tabelli tad-dħul u l-ħruġ bil-Malti minflok l-Ingliż.


Facebook / Kelmet il-Malti / Ana Bel
Facebook / Il-Malti Madwarna / Doriana Vella