Tkun taf li lingwa fiha sfida meta anki l-kelliema nativi stess jisħqu fuq kif l-ilsien tagħhom huwa wieħed diffiċli biex jinkiteb u saħansitra jinqara. Daqstant huwa diffiċli li nippuntaw is-swaba’, għaliex fejn wieħed jaf jikkorreġi żball, huwa kapaċi jiżbalja xi mkien ieħor. Hija għal din ir-raġuni li nilmħu żball wara żball fil-kitba Maltija, mhux biss fejn jidħol xogħol personali, iżda sewwasew fuq tabelli uffiċjali u avviżi professjonali.
Facebook / Kelmet il-Malti
Li hu notevoli huwa kif, hawnhekk, mhux biss il-Malti jidher miżgħud bl-iżbalji, iżda saħansitra anki l-verżjoni bl-Ingliż, li ta’ spiss jintqal li huwa l-eħfef bejniethom it-tnejn. Ir-reazzjoni lejn dan ma kien xejn inqas minn skandlu, b’bosta jitkażaw b’kitba ta’ dan it-tip. Għalhekk dejjem donnha terġa’ tqum il-kwistjoni: għandna bżonn il-qarrejja tal-provi? Jew qed nagħmlu għaġeb mix-xejn?
Sikwit niltaqgħu mal-argument li l-lingwi mhux biss huma parti mill-identità u l-wirt tagħna, iżda li wkoll jistħoqqilhom ikunu protetti u rregolati. Għaldaqstant, bosta huma dawk li jargumtaw bil-kontra, li jisħqu fuq kif l-importanza għandha tingħata lill-fehma tal-messaġġ, u l-mod ta’ kif jasal dan huwa sekondarju.

Facebook / Kelmet il-Malti
Xi tgħidu intom? Taħsbu li għandu jkun hemm infurzar aqwa ta’ kif tinkiteb il-lingwa, jew għalikom l-aqwa li jirnexxilu jasal il-messaġġ?
Facebook / Kelmet il-Malti