“Ġimgħa Ta’ Temp Stabbli U Xemxi” – It-Temperaturi Mistennija Jilħqu S-27°C Sa Tmiem Il-Ġimgħa

It-temp jidher li se jikkalma sew matul il-ġimgħa li ġejja hekk kif pressjoni għolja fil-Punent tal-Mediterran se ġġib magħha ġranet aktar stabbli, xemxin u sħan għal Malta.

Skont aġġornament maħruġ mill-paġna It-Temp Madwarna, wara ċ-ċiklun li affettwa l-gżejjer Maltin fl-aħħar jiem, issa mistenni li jkollna ġimgħa b’kundizzjonijiet ferm aktar kalmi, b’riħ ġeneralment ħafif u indiċi għoljin ħafna tar-raġġi UV li se jilħqu bejn 8 u 9.



Il-paġna tikkonferma li llum t-Tnejn 18 ta’ Mejju, il-ġurnata għandha tkun fil-biċċa l-kbira xemxija u kalma, filwaqt li bejn it-Tlieta u l-Erbgħa mistenni temp xemxi b’żiffa riħ mill-Majjistral. Matul il-kumplament tal-ġimgħa, il-previżjoni tindika taħlita ta’ xemx u ftit sħab baxx jew bnazzi.



Ir-riħ se jibqa’ l-aktar ħafif għal moderat matul il-ġimgħa kollha. It-Tlieta huwa mistenni jkun l-aktar jum b’riħ kemxejn aktar qawwi, b’riħ Majjistral forza 4 sa 5, filwaqt li lejn tmiem il-ġimgħa r-riħ jerġa’ jikkalma għal forza 3 mill-Punent jew Majjistral.

Anke t-temperaturi se jibdew jogħlew gradwalment. It-temperaturi massimi mistennija jitilgħu minn madwar 22 grad Celsius fil-bidu tal-ġimgħa għal qrib is-27 grad sa tmiem il-ġimgħa, filwaqt li l-minimi matul il-lejl se jiżdiedu minn 13 għal madwar 17-il grad Celsius.

It-temperatura tal-baħar ukoll qed tkompli togħla u bħalissa tinsab madwar l-20 grad Celsius, fattur li jaf jattira aktar nies lejn il-bajjiet hekk kif joqrob is-sajf.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI