Fost il-vittmi tal-isplużjoni traġika li seħħet ilbieraħ kien hemm Ricky, pappagall li għal snin twal ġab tbissima fuq wiċċ dawk kollha li ltaqgħu miegħu. Fuq il-midja soċjali, Arnold Sciberras qasam messaġġ emozzjonanti fejn sellem il-memorja ta’ Ricky, li kellu 57 sena u kien magħruf għall-karattru ferrieħi u l-personalità unika tiegħu.
“Illum sellimna lil Ricky, pappagall ta’ 57 sena li mess il-qlub ta’ tant nies matul is-snin,” kiteb Sciberras. Huwa spjega kif kien ilu jaf lil Ricky għal ħafna snin u kif kull darba li kien jiltaqa’ miegħu, flimkien mat-tfal tiegħu, kien jintlaqa’ mill-kliem bla waqfien, kurjuż u karattru mill-isbaħ tiegħu.
Sciberras enfasizza wkoll ir-rabta speċjali li Ricky kellu ma’ Kevin, persuna li qasmet miegħu snin twal ta’ ħbiberija, fiduċja u memorji. “Ma kinitx biss relazzjoni bejn min jieħu ħsiebu u annimal, iżda kumpanija vera, ħbiberija u fiduċja mibnija fuq snin twal flimkien,” stqarr.
Huwa temm il-messaġġ tiegħu b’kelmiet ta’ kondoljanzi lil Kevin, filwaqt li rringrazzja lil Ricky għat-tbissim, il-“konversazzjonijiet” u l-memorji li ħalla warajh lil dawk kollha li kellhom ix-xorti jiltaqgħu miegħu.
Il-mewt ta’ Ricky kompliet iżżid mal-uġigħ li ħalliet warajha l-isplużjoni ta’ nhar ilbieraħ, b’ħafna persuni jesprimu n-niket tagħhom għal telfa ta’ annimal tant maħbub fil-komunità.