Mara ta’ 64 sena, mill-Ħamrun, tilfet ħajjitha b’mod traġiku f’inċident tat-traffiku li seħħ fil-Ġermanja fid-29 ta’ Diċembru li għadda.
Il-mara, Doreen Böhnert, kienet ilha residenti fil-belt ta’ Bonn għal bosta snin, wara li marret tgħix hemm fi żmien iż-żgħożija tagħha. Minkejja dan, ir-rabta tagħha ma’ Malta baqgħet b’saħħitha, tant li kienet tiġi ta’ spiss u tqatta’ xhur sħaħ fir-residenza tagħha fil-gżejjer Maltin.
Dawk li kienu jafuha mill-qrib iddeskrivewha bħala mara mimlija ħajja, b’sens ta’ umoriżmu qawwi, b’personalità li kienet tħalli marka fuq kull min jiltaqa’ magħha.
Fost il-messaġġi ta’ tifkira, Dun Ġorg Micallef sellem il-memorja tagħha billi rringrazzjaha għall-affezzjoni u l-appoġġ li dejjem uriet, speċjalment lejn is-saċerdoti, li kienet tqishom bħala parti mill-familja tagħha stess.
Sadanittant, fuq il-pjattaformi soċjali, bosta persuni qasmu d-dieqa tagħhom għal din it-telfa f’daqqa, u ħafna minnhom saħqu li bosta se jimmissjaw lil Doreen li l-preżenza tagħha kienet iddawwal ħajjithom.
Strieħ fil-paċi għażiża!
Facebook / In Memoriam Malta