Kienet ġimgħa partikolari għal Ħaż-Żebbuġ, hekk kif il-Każin ta' San Ġużepp u Banda De Rohan temmew sensiela ta’ tliet serati ddedikati lil tliet personaġġi Żebbuġin li taw kontribut importanti lix-xena letterarja lokali.
Il-Membru Parlamentari, Malcolm Paul Agius Galea qasam messaġġ dwar din l-attività, li fiha ngħata ġieħ lil tliet ismijiet li jibqgħu marbuta mal-letteratura u l-kultura Maltija: Frans Sammut, Philip Sciberras u Mons. Lawrenz Cachia.Permezz ta’ dawn is-serati, il-komunità kellha l-opportunità tfakkar il-wirt li ħallew warajhom u tirrikonoxxi l-kontribut tagħhom għall-qasam letterarju.
Fil-messaġġ tiegħu, l-MP Agius Galea saħaq, fuq kemm hu sabiħ li s-soċjetajiet tagħna jkunu mhux biss post fejn jinbena l-futur, iżda wkoll mera tal-passat. Fil-fatt, attivitajiet bħal dawn ifakkruna fl-importanza li nżommu ħaj il-memorja ta’ dawk li permezz tal-kitba, il-ħsieb u d-dedikazzjoni tagħhom taw sehem mill-istorja kulturali ta’ pajjiżna.
Tassew, memorja bħal din tibqa’ ħajja meta l-komunità tkompli tgħaddi l-istorja, it-talent u l-wirt ta’ dawn il-persunaġġi lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Facebook/Malcolm Paul Agius Galea