Il-Ħadd 6 ta’ Lulju 2025, Hospice Malta se torganizza l-maratona ta’ 12-il siegħa bit-tema ‘Ħajja sal-Aħħar’, sejħa biex il-ħajja tiġi ppreservata b’dinjità, kompassjoni u kura professjonali sat-tmiem naturali tagħha.
Fl-2024, Hospice Malta appoġġjat kważi 1,000 pazjent ġdid jew 3 persuni kuljum f’servizzi b’xejn. Din ir-realtà turi kemm l-appoġġ kontinwu tal-pubbliku hu meħtieġ u urġenti.
Ix-xandira diretta ta’ 12-il siegħa (mill-11 am sal-11 pm) se tixxandar fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin direttament minn St Michael Hospice f’Santa Venera li ġie inawgurat fil-bidu tas-sena.
Kenneth Delia, Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta qal li “l-għan tagħna hu li dejjem nipprovdu kura professjonali meħtieġa għall-pazjenti biex kemm jista’ jkun jibqgħu fl-ambjent tad-dar tagħhom, filwaqt li nindirizzaw il-bżonnijiet tagħhom matul dan il-perjodu sensittiv. Il-fondi miġbura permezz tal-maratona ta’ din is-sena se jmorru għas-sostenn u ż-żieda ta’ dawn l-isforzi fosthom is-servizzi fil-komunita kif ukoll is-servizzi ta’ terapija ta’ matul il-jum.”
Ix-xandira maratona se tinkludi stejjer personali, divertiment, intervisti u messaġġi mill-pazjenti jew qraba li rċevew kura u appoġġ minn Hospice Malta.
Il-messaġġi tagħhom juri mhux biss id-differenza li Hospice Malta tagħmel f’ħajjithom iżda wkoll kif il-professjonisti jagħtu kura bla ħlas li ddur mal-bniedem f’wieħed mill-aktar stadji kritiċi u sensittivi tal-ħajja.
Rakkont wara ieħor, dawn il-familji jiddeskrivu sens profond ta’ dinjità grazzi għall-professjonalità, l-empatija u l-preżenza kontinwa tal-ħaddiema u l-voluntiera ta’ Hospice Malta.
Bernadette Bonnici Kind, Chairperson ta’ Hospice Malta qalet li “kull sena aktar nies qed jikkuntattjawna għall-appoġġ u l-maratona hija opportunità ewlenija għall-pubbliku u l-komunità tan-negozju biex tgħinna nkomplu nipprovdu dawn is-servizzi vitali, mingħajr ħlas. Bl-appoġġ tagħkom, nistgħu nkomplu nilħqu aktar individwi u familji fil-bżonn.”
Il-fondi miġbura se jmorru direttament għall-espansjoni tas-servizzi bbażati fil-komunità, it-titjib tat-terapiji permezz tal-Unit tat-Terapija ta’ Matul il-Jum u t-tnedija tat-taqsima ġdida tal-Inpatient Unit ta’ Hospice Malta li toffri 16-il kamra privata għal soġġorni qosra f’ambjent seren li jiżgura dinjità, privatezza u kumdità.
Kemm jekk id-dar jew fil-faċilità l-ġdida ta’ St Michael Hospice, it-tim ta’ professjonisti u voluntiera ta’ Hospice Malta jaħdem kuljum biex jipprovdi appoġġ emozzjonali, fiżiku u spiritwali lill-pazjenti u lill-maħbubin kollha tagħhom mingħajr ħlas.
Dettalji għad-Donazzjonijiet
- Ċempel: €25 – 5180 2024 | €50 – 5190 2031
- SMS: €11.65 – 5061 9234
- Online: https://hospicemalta.org/product/telethon-2025-donation
- BOV Mobile jew myAPS: 7993 3894
- Għal aktar informazzjoni u biex tagħti donazzjoni, żur www.hospicemalta.org

Hospice Malta