Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg Iħabbar Bidla Importanti Għat-Tobba Tal-Familja Minn Settembru

Mill-1 ta’ Settembru, it-tobba tal-familja se jkollhom aċċess akbar għar-riżultati ta’ testijiet u investigazzjonijiet mediċi li jsiru fl-isptar, fosthom testijiet tad-demm u ultrasounds. Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Ian Borg, li spjega li din il-bidla għandha tgħin lit-tobba tal-familja jkollhom aktar informazzjoni f’idejhom meta jkunu qed isegwu u jinvestigaw il-kundizzjoni tal-pazjenti tagħhom.

F’post fuq il-midja soċjali, Borg fakkar li lura fl-2007 it-tobba tal-familja kienu ngħataw aċċess limitat għal ċerta informazzjoni medika, iżda minn dak iż-żmien din il-faċilità ma kinitx kompliet tiġi estiża. Il-Ministru ddeskriva din id-deċiżjoni bħala waħda ta’ benefiċċju għall-pazjenti u bħala "rigal" lit-tobba tal-familja. Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza tat-tobba li jaħdmu fil-komunità, hekk kif dawn jistgħu joffru kura lill-pazjenti mingħajr il-ħtieġa li dejjem jirrikorru għall-isptar.

Borg qal li matul is-snin naqas in-numru ta’ tobba tal-familja filwaqt li aktar tobba qed jaħdmu fl-isptarijiet, u għalhekk wieħed jista’ jifhem għaliex aktar nies qed jagħżlu li jmorru direttament l-isptar għall-kura. Huwa esprima t-tama li din il-bidla tgħin ukoll biex aktar tobba jkunu mħeġġa jaħdmu fil-komunità.

Ritratti:

Facebook / Ian Borg

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI