Il-Membru Parlamentari Darren Carabott reġa’ qajjem il-kwistjoni tal-barriers li jinsabu quddiem il-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta, din id-darba mas-Speaker il-ġdid tal-Kamra tad-Deputati.
F’messaġġ li qasam fuq il-midja soċjali, Carabott spjega li approfitta mill-bidla fit-tmexxija tal-Parlament biex jerġa’ jqajjem is-suġġett, filwaqt li rrimarka li ilu jinsisti fuq din il-kwistjoni għal dawn l-aħħar erba’ snin.
Huwa qal li, minkejja li l-ispeaker ilu biss ftit jiem fil-kariga, ħa pjaċir bir-risposta li rċieva, li minnha fehem li se jkunu qed isiru diversi laqgħat sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni u jiġu esplorati soluzzjonijiet possibbli.
Carabott spjega li tul is-snin dejjem ingħata l-istess spjegazzjoni, jiġifieri li l-barriers qegħdin hemm għal raġunijiet ta’ sigurtà. Filwaqt li qal li jifhem dan l-argument, sostna li jemmen li jeżistu metodi aħjar biex tintlaħaq l-istess protezzjoni mingħajr ma jinħoloq ostaklu viżiv u fiżiku quddiem il-Parlament.
Skont il-MP, il-barriers mhux biss "ikerrhu d-daħla tal-Belt Valletta", iżda wkoll iwasslu messaġġ ħażin lill-pubbliku. Huwa rrimarka l-kontradizzjoni li, waqt il-kampanji elettorali, il-politiċi jmorru jħabbtu l-bibien tan-nies biex jitolbu l-vot mingħajr biża’, filwaqt li l-aċċess tal-poplu għall-Parlament ikun imfixkel b’barriers.
Carabott argumenta wkoll li l-bini tal-Parlament kien iddisinjat biex ikun simbolu ta’ trasparenza u aċċessibbiltà, u għalhekk jemmen li x-xena ta’ fillieri ta’ barriers quddiemu tmur kontra dak il-kunċett. Żied jgħid li, anke minn aspett artistiku u estetiku, il-mod kif qed jintlaqgħu n-nies f’Bieb il-Belt ma jagħmilx ġustizzja lill-binja u lill-importanza tagħha.
Il-Membru Parlamentari temm jappella biex tinstab soluzzjoni alternattiva li żżomm il-livell meħtieġ ta’ sigurtà filwaqt li tagħmel il-Parlament aktar miftuħ u aċċessibbli għall-poplu Malti.
Facebook / Darren Carabott