Sarah Bajada appellat għall-aktar empatija u rispett fuq il-midja soċjali, wara li esprimiet id-diżappunt tagħha għall-ammont ta’ kummenti ta’ mibegħda li qed jirċievu l-kontestanti ta’ Love Island Malta.
F’filmat li qasmet fuq il-midja soċjali, Sarah faħħret lill-produzzjoni tal-programm għax, fi kliemha, irnexxielha toħloq produzzjoni Maltija ta’ suċċess. Madankollu, qalet li kienet ixxukkjata meta rat il-livell ta’ kummenti negattivi mmirati lejn il-parteċipanti.
Sarah semmiet ukoll il-kumment li jgħid li dawk li jagħżlu li jkunu fil-pubbliku għandhom "ikollhom ġilda ħoxna", iżda saħqet li ma taqbilx ma’ din il-fehma. Hija spjegat li, għalkemm persuna tagħżel li tidher fil-pubbliku, kemm jekk tkun kontestant, kreatur tal-kontenut jew f’xi rwol ieħor, dan qatt ma jagħti lil ħadd id-dritt li jkasbarha jew inaqqsilha mill-valur tagħha.
Sarah żiedet li ħadd ma jaf minn xiex ikun għaddej persuna fil-ħajja privata tagħha. Skontha, xi wħud mill-kontestanti setgħu ħadu sehem fil-programm biex jegħlbu l-biżgħat tagħhom, isaħħu l-kunfidenza fihom infushom jew joħorġu miż-żona ta’ kumdità tagħhom, u għalhekk ma jistħoqqilhomx ikunu fil-mira ta’ attakki online.
Fl-appell tagħha, hija ħeġġet lill-kontestanti biex qatt ma jħallu l-opinjonijiet ta’ barranin jiddefinixxu l-valur tagħhom, filwaqt li fakkret li l-kuraġġ li wieħed jesponi ruħu quddiem il-pubbliku huwa ferm akbar mill-kummenti ta’ min jinħeba wara skrin.
Fl-għeluq tal-messaġġ tagħha, Sarah appellat lill-pubbliku biex jaħseb darbtejn qabel jikteb kumment ta’ mibegħda, filwaqt li fakkret li wara kull profil hemm persuna vera b’sentimenti. "Agħżlu l-ħlewwa," temmet tgħid.
Facebook / Sarah Bajada