Il-Blue Light Foundation esprimiet id-dispjaċir u l-frustrazzjoni tagħha wara li l-fundatur tagħha, Simon Schembri, ġie informat li għadha ma ġietx indikata data biex jibda jinstema’ l-ġuri relatat mal-każ li bidillu ħajtu għal dejjem.
Fi stqarrija, il-fondazzjoni qalet li tħossha “urtata u ddiżappuntata” li kważi disa’ snin wara l-inċident li seħħ waqt li Schembri kien qed jaqdi dmirijietu bħala uffiċjal tal-pulizija, il-proċess ġudizzjarju għadu ma wasalx għall-fażi tal-ġuri.
L-inċident, li fih Simon Schembri kien kważi tilef ħajtu, ħallieh b’diżabilità severa u dipendenti fuq ħaddieħor għall-bqija ta’ ħajtu. Il-fondazzjoni sostniet li n-nuqqas ta’ progress fil-każ qed ifisser li l-ġustizzja la qed issir ma’ Schembri u lanqas mal-familja tiegħu.
Il-Blue Light Foundation spjegat li għal żmien twil astjeniet milli tikkummenta pubblikament dwar il-każ jew twieġeb mistoqsijiet li kienet qed tirċievi, sabiex tħalli l-kors tal-ġustizzja jimxi mingħajr interferenza. Madankollu, qalet li issa għadda wisq żmien u li s-sitwazzjoni m’għadhiex aċċettabbli.
Fil-messaġġ tagħha, il-fondazzjoni appellat lill-awtoritajiet kollha konċernati biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa mingħajr aktar dewmien, filwaqt li enfasizzat li Simon Schembri kien qed jagħmel xogħlu meta seħħ l-inċident u li għalhekk l-Istat għandu obbligu li jara li l-ġustizzja ssir.
Il-fondazzjoni temmet tappella għal għaqda nazzjonali kontra dak li sejħet bħala inġustizzja, mhux biss fil-konfront ta’ Schembri u l-familja tiegħu, iżda wkoll fil-konfront tal-vittmi kollha tal-kriminalità li qed ibatu minħabba dewmien fil-proċessi kriminali.
“Bħala pajjiż għandna ningħaqdu flimkien sabiex il-vittmi ma jibqgħux isofru aktar minħabba dewmien fil-qrati,” sostniet il-fondazzjoni.
Facebook / Simon Schembri Blue Light Foundation