Joe Demicoli ilu snin jżur id-djar tal-anzjani biex iferrahom u dan jagħmlu għax jemmen li fid-dinja trid tgħati biex tirċievi. "Minn mindu bdejt inkanta kont niġi mistieden f'ċertu djar u ħafna drabi kont mmur b'mod volontarju" jgħidilna Joe. F'din l-aħħar sena bis-saħħa tal-għajnuna tal-Welfare Committe u segretarjat għall-anzjani u persuni b'diżabiltà, Joe qed imur aktar ta' spiss.
"Ix-xogħol tiegħi mhux faċli, anke għax mhux dejjem ikolli aptit li mmur quddiem in-nies" - Joe Demicoli
Ma' Gwida.mt, Joe jistqarr li x'ħin jibda jkanta u jiċċajta mal-anzjani jinbidel kollox. Jgħidilna "...li nara n-nies jidħku jew l-anzjani jkomplu miegħi tagħtini sens ta' good feeling u sodisfazzjon kbir. Kuljum b'esperjenza ġdida, tgħallimt ħafna u kienu parti mill-fejqan tiegħi tad-dipressjoni". Bis-saħħa ta' din l-esperjenza Joe tgħallem japprezza l-ħajja wkoll.
Aħna staqsejnieh fuq l-inċident ta' Furta! Ftit xhur ilu ġie mxandar filmat ta' waħda mara anzjana tgħolli d-dublett waqt li Joe Demicoli jkanta l-kanzunetta Fit-Tieġ tan-Neputija. Joe jgħidilna li ... "Dak il-filmat għamel daqsxejn hit mhux ħażin. Episodji bħal dawn ikun hemm ta spiss. Jgħidu li darbtejn insiru tfal u verissimu. Dawn l-anzjani jkunu qed jieħdu gost u dak li jagħmlu jkun bla ħażen ta' xejn".
Joe Demicoli għandu repertorju vast ħafna u waqt l-attività jħobb jinvolvi l-anzjani f'kant, żfin u anke jgħidilhom xi ċajta. Imma xi jħobbu l-anzjani? Joe jgħidilna
"Mitt bniedem mitt femha, mhux kull individwu l-istess, min irid jiżfen, min irid jisma' ċajta, min irid ikanta, imma l-aktar ħaġa li jħobbu l-anzjani huma l-kanzunetti ta' żmienhom bħal Il-Bajja tal-Mellieħa, It-Tieġ tan-Neputija, Rożamari, Marina, Que Sera u You are my sunshine".
Fl-intervista li għamilna ma' Joe Demicoli semmielna wkoll li hawn ħafna anzjani waħdihom li ma jżurhom ħadd. "Hemm ċertu homes fejn qabel nibda u wara li nlesti nħobb noqgħod nitkellem mal-anzjani. Kultant nisma' stejjer ta' swied il-qalb li jkunu għaddejjin minnhom fil-mument. Iva, hemm ħafna iktar anzjani milli naħsbu, waħidhom u li ma jmur iżurhom ħadd" - Joe.
Minn hawn nixtiequ nifirħu lil Joe Demicoli għal dan ix-xogħol siewi li qed jagħmel u nirringrazzjaw lil ħafna volontiera li jieħdu ħsieb lil anzjani. Joe għalaq l-intervista b'appell li jekk hawn xi ħadd li jista joffri xi kwalunkwe servizz jew għajnuna dawn id-djar jieħdu ħafna gost. Flimkien għall-anzjani attivi!
Joe Demicoli / Facebook