Ġakketta imdendla fil-gwardarobba u ma tintuzax. Flokkijiet li ilhom fuq wara ta’ kexxun. Ħwejjeġ tat tfal li m’għadhomx jiġuhom. Dawn l-oġġetti ta’ kuljum, jistgħu jagħmlu differenza vera f’dar oħra.
Din is-sena, Nestlé Malta qed twessa’ l-appell biex jinkludi ħwejjeġ tax-xitwa għall-irġiel, għan-nisa u għat-tfal. Dan sar wara talbiet mingħand l-imsieħba tagħha fis-settur tal-karità, li qed jaraw domanda dejjem tikber fost il-gruppi kollha tal-età.
L-appell iktar wiesgha se jagħmilha aktar faċli biex aktar nies jieħdu sehem u jappoġġjaw l-inizjattiva. Mit-3 sat-28 ta’ Novembru 2026, donazzjonijiet ta’ ħwejjeġ tax-xitwa nodfa u użati iżda f’kundizzjoni tajba jistgħu jitwasslu fiċ-Ċentru tal-Konsumatur ta’ Nestlé f’Ħal Lija.
L-oġġetti mbagħad jitqassmu lil Inspire Foundation u lill-MSPCA, li t-tnejn imexxu ħwienet tal-karità li jgħinu biex jiffinanzjaw servizzi essenzjali u l-ħidma kontinwa tagħhom fil komunità.
Billi nagħtu ħajja ġdida lil ħwejjeġ użati, l-inizjattiva tippromwovi wkoll is sostenibbiltà billi testendi l-użu ta’ ħwejjeġ li inkella jibqgħu mhux użati jew jintremew.
Anita Olton, Corporate Affairs Manager ta’ Nestlé Malta, qalet: “Ħafna minna għandna ħwejjeġ tax-xitwa merfugħa fil-gwardarobbi tagħna li m’għadniex nilbsu, iżda li għadhom f’kundizzjoni tajba ħafna. Meta nagħtuhom, inkunu qed ngħinu lill-għaqdiet tal-karità lokali, nappoġġjaw lin-nies fil-komunità tagħna u niżguraw li dawn l-oġġetti jkomplu jservu skop. Huwa ġest sempliċi, iżda jista’ jagħmel differenza sinifikanti.”

Flimkien mal-ġbir tal-ħwejjeġ, Nestlé Malta se tagħti wkoll prodotti tal-ikel lill-Foodbank Lifeline Foundation, biex tgħin lill-organizzazzjoni tappoġġja individwi u familji li għaddejjin minn diffikultajiet madwar Malta.
Flimkien, id-donazzjonijiet ta’ ħwejjeġ u ikel se jkunu ta’ benefiċċju għal tliet organizzazzjonijiet li jaħdmu kuljum biex jappoġġjaw lin-nies, lill-familji u lill-komunitajiet madwar il-pajjiż.
Din id-donazzjoni tirrifletti l-għan ta’ Nestlé li tisfrutta l qawwa tal-ikel biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja għal kulħadd, illum u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, kif ukoll l-impenn kontinwu tagħha favur l-aċċess għall-ikel u l-benesseri tal komunità f’Malta.
Minn meta nediet il-Kampanja ta’ Ġbir ta’ Ħwejjeġ fl-2020, Nestlé Malta ġabret diversi tunnellati ta’ ħwejjeġ u donazzjonijiet tal-ikel permezz tal-ġenerożità tal-impjegati, il konsumaturi u l-pubbliku inġenerali.
Dak li beda bħala inizjattiva lokali żgħira sar wieħed mill-aktar proġetti komunitarji li ilhom għaddejjin tal-kumpanija, u jgħaqqad is sostenibbiltà mal-appoġġ soċjali b’mod prattiku u sinifikanti.
Dawk li jixtiequ jappoġġjaw l-inizjattiva jistgħu jwasslu d-donazzjonijiet tagħhom fiċ-Ċentru tal-Konsumatur ta’ Nestlé f’Ħal Lija bejn it-3 u t-28 ta’ Novembru 2026.
Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-Tnejn sal-Ħamis mit-08:00 sat-15:00 u l-Ġimgħa u s-Sibt mit-08:00 sat-12:00. Għal aktar informazzjoni dwar il-Kampanja ta’ Ġbir ta’ Ħwejjeġ, ikkuntattjaw lil Nestlé Malta fuq 8007 2209 jew permezz tal-email [email protected].