Il-Kelb Sky Jagħti D-Demm Biex Jgħin Isalva L-Ħajja Ta’ Kelb Ieħor – Christa Cilia Titkellem Dwar Dan!

Permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali, Christa Cilia qasmet esperjenza emozzjonanti li għaddiet minnha dalgħodu flimkien mal-kelb tagħha Sky, filwaqt li qajmet kuxjenza dwar l-importanza tal-għoti tad-demm fost il-klieb.

Ilbieraħ filgħaxija, Christa rċeviet telefonata fejn intalbet tgħin lil Chloe, kelba li kellha bżonn trasfużjoni tad-demm. Dalgħodu, Krista u Sky marru fil-klinika sabiex jagħtu l-għajnuna tagħhom, iżda sfortunatament, proprju hekk kif Chloe kienet qed titħejja għat-trasfużjoni, tilfet il-battalja tagħha.

"Ninsab tassew dispjaċuta li ma stajniex ngħinuha u nagħti l-kondoljanzi sinċieri tiegħi lill-familja tagħha," kitbet Christa. Waqt li kienu għadhom fil-klinika, daħal każ ieħor ta’ emerġenza. Nicky ukoll kellu bżonn trasfużjoni tad-demm u, fortunatament, Sky kien hemm biex jgħinu. Din ma kinitx l-ewwel darba li Sky ta d-demm, u għal darb’oħra mela lil Christa bil-kburija.

Permezz ta’ din l-esperjenza, Christa xtaqet tqajjem aktar kuxjenza dwar l-importanza tal-għoti tad-demm fost il-klieb, xi ħaġa li mhux ħafna jaħsbu dwarha, iżda li f’każ ta’ emerġenza tista’ tagħmel id-differenza bejn il-ħajja u l-mewt. Nicky għadu fil-klinika u għadu qed jiġġieled għal ħajtu. Minn qalbna nawgurawlu fejqan ta’ malajr, filwaqt li nibagħtu t-tislijiet tagħna lil dawk kollha li kienu jħobbu lil Chloe.

Prosit tassew lil Christa u lill-eroj b’erba’ saqajn tagħha, Sky!

Ritratt:

Facebook / Christa Cilia

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI