Il-libsa ikonika li libset Mary Spiteri meta rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest tal-1992 se tingħaqad mal-Kollezzjoni Nazzjonali tat-Tessuti wara li ġiet akkwistata minn Heritage Malta.
Qabel ma saret parti mill-wirt nazzjonali, il-libsa ngħatat b’donazzjoni mill-kantanta stess lill-Malta Community Chest Fund sabiex tiġi rkantata u l-fondi miġbura jmorru biex jgħinu persuni li jkollhom bżonn kura, trattament jew appoġġ ieħor fi żminijiet diffiċli.
Mary Spiteri kienet libset din il-libsa waqt il-prestazzjoni memorabbli tagħha tal-kanzunetta Little Child fil-Eurovision tal-1992 f’Malmo, l-Iżvezja, fejn Malta kisbet it-tielet post. Dak ir-riżultat kien storiku għal pajjiżna, hekk kif kienet l-ewwel darba li Malta kklassifikat fost l-aqwa tliet pajjiżi fil-kompetizzjoni.
Iddisinjata f’Milan, il-libsa hija magħrufa għad-dettalji elaborati tagħha, fosthom il-kuluri maġenta u fuchsia, l-għonq forma ta’ qalb u d-dekorazzjonijiet b’lewlu, antaċċoli u appliqué. Skont Mary Spiteri, hi stess kellha sehem fid-disinn ta’ diversi elementi tal-libsa, li jagħmluha kreazzjoni artistika personali u unika.
Il-preżentazzjoni uffiċjali tal-libsa lil Heritage Malta saret waqt attività organizzata mill-Malta Community Chest Fund fil-Palazz ta’ Sant’Anton fil-preżenza tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, li faħħret il-ġest ġeneruż tal-kantanta.
Matul il-lejla, Mary Spiteri qasmet diversi tifkiriet mill-esperjenza tagħha fil-Eurovision u mill-karriera mużikali tagħha, filwaqt li l-mistednin segwew ukoll intervista u sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet immexxija minn Angie Laus.
L-attività, organizzata b’kollaborazzjoni ma’ OGAE Malta, ġabret flimkien numru ta’ dilettanti tal-Eurovision li kellhom l-opportunità jiltaqgħu mill-qrib ma’ waħda mill-aktar kantanti emblematiċi fl-istorja tal-kompetizzjoni għal Malta.
Facebook / Malta Community Chest Fund