Wara li għen biex jitwaqqfu żewġ rekords nazzjonali Maltin, organizza tournament tal-futbol ta’ suċċess u nieda ktieb b’messaġġ qawwi ta’ tama, Benjamin John Mifsud issa qed iħejji għall-akbar inizjattiva tiegħu s’issa.
Matul is-sajf tal-2026, minn Lulju sal-20 ta’ Settembru, se jittella’ l-BnB Summer League, kampjonat tal-futbol maħluq biex jgħaqqad il-komunità filwaqt li jiġbor fondi b’risq l-NGO Smiling With Jerome.

Mifsud, awtur Malti ta’ żewġ kotba u l-moħħ wara diversi proġetti komunitarji taħt il-marka BnB, spjega li l-kampjonat huwa l-pass naturali li jmiss wara s-suċċess tal-ewwel BnB Tournament, li sar bl-appoġġ ta’ MeDirect Bank, Christopher Mifsud u Pietà FC, li ospitat l-avveniment fil-grawnd tagħha.
“L-attendenza u l-appoġġ li rajna mill-komunità wrew li hemm interess reali għal xi ħaġa akbar – kampjonat li jista’ jikber u jsir tradizzjoni annwali ta’ karità,” qal Mifsud. Iżda l-istorja wara dan il-proġett tmur ferm lil hinn mill-futbol.
Aktar kmieni din is-sena, qabel it-tournament ta’ Mejju u qabel il-pubblikazzjoni tal-aħħar ktieb tiegħu, The Willow Tree and Its Branches, Benjamin Mifsud flimkien mal-ħabib tiegħu Bjorn Borg kisru żewġ rekords nazzjonali Maltin. Dawn kienu għall-akbar numru ta’ karozzi tal-logħob ippakkjati ġewwa karozza klassika u għall-itqal piż ta’ karozzi tal-logħob ippakkjati fl-istess vettura.
Ir-rekords inkisru bl-użu ta’ Volkswagen Beetle 1300 tal-1969, magħrufa bħala “Maria”, u saru b’risq Smiling With Jerome. Il-konnessjoni mal-għaqda volontarja kompliet tissaħħaħ maż-żmien, tant li llum hija fil-qalba tal-proġetti kollha li qed jorganizza.
Fil-fatt, il-ktieb The Willow Tree and Its Branches huwa marbut direttament mal-missjoni tiegħu. Mifsud jgħid li qatta’ snin jaħdem fuqu u li nħadem għal persuni li għaddejjin minn żminijiet diffiċli jew li jħossuhom waħedhom.
“Il-messaġġ wara l-ktieb huwa l-istess messaġġ wara l-BnB League – li nappoġġjaw lil dawk li għandhom bżonnna, nibnu komunità u noħolqu xi ħaġa li tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies,” spjega. Il-BnB Summer League mistennija tkun l-akbar inizjattiva tal-proġett s’issa, billi tgħaqqad l-isport, il-karità u l-impatt soċjali f’avveniment wieħed mifrux fuq diversi ġimgħat.
L-organizzaturi bħalissa qed ifittxu plejers, sponsors u kollaboraturi li jixtiequ jkunu parti minn dan il-proġett. Skont Mifsud, kull tim, kull partita u kull sponsor se jkollhom sehem dirett biex jgħinu lill-familji u l-persuni li jirċievu l-appoġġ mingħand Smiling With Jerome.
Minn rekords nazzjonali għal kampjonat tas-sajf b’għan soċjali, il-vjaġġ ta’ Benjamin Mifsud juri kif ideat differenti jistgħu jingħaqdu taħt missjoni waħda: li jinġabru n-nies flimkien u jsir ġid fil-komunità.
Facebook / Benjamin John Mifsud